Thursday, November 21, 2024

Imkeċċi inġustament wara 13-il sena servizz… Sitwazzjoni li eskalat b’għajjat u nuqqas ta’ rispett

- Ħaddiem ordnat iħalli l-vann tax-xogħol li kien jaħdem bih u jitlaq dak il-ħin stess minn fuq il-post tax-xogħol

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Lavrant li kien ilu 13-il sena jagħmel xogħol vast relatat mal-kostruzzjoni fetaħ u rebaħ kawża fit-Tribunal Industrijali wara li f’Settembru ta’ sentejn ilu, f’ġurnata xogħol normali, safa’ mkeċċi minn fuq il-lant tax-xogħol inġustament.

F’sitwazzjoni fejn kien hemm għajjat, dagħa u nuqqas ta’ rispett, il-ħaddiem John Fenech ġie ordnat mill-imgħallem tiegħu u azzjonist tal-kumpanija Tas-Sold Contruction, Paul Magri, biex iħalli l-vann tax-xogħol li kien jaħdem bih u jitlaq dak il-ħin stess minn fuq il-post tax-xogħol. Dan b’turija ta’ tkeċċija definittiva.

Il-kumpanija, wara li ma ħaditx ħsieb li tara jew tirratifika din it-tkeċċija, ġiet ordnata tħallas €7,500 f’danni għat-tkeċċija inġusta ta’ dan il-ħaddiem. Mid-dettalji tal-każ ippreżentati fit-Tribunal Industrijali din it-tkeċċija seħħet fit-28 ta’ Settembru 2022.

Fir-rikors tiegħu Fenech qal li dakinhar ma kien hemm ebda raġuni għat-tkeċċija tiegħu u li l-imgħallem, “bla ebda sens ta’ ċiviltà u dinjità, naqas serjament fir-rispett u fid-doveri tiegħu għall-mod u l-manjiera kundannabbli ta’ kif seħħet it-tkeċċija inġusta li lanqas ma kienet ibbażata fuq xi raġuni partikolari”. 

Barra minnhekk, il-ħaddiem sostna li huwa ma kien ingħata ebda twissija qabel dan il-każ, la mid-direttur tal-kumpanija, Emanuel Buhagiar u lanqas mill-imgħallem tiegħu Magri, la verbali u wisq inqas bil-miktub. Għalhekk, hekk kif ġie spjegat, “din it-tkeċċija kienet waħda ingusta għall-aħħar u mhux mistennija. Dan speċjalment meta wieħed iqis it-trapass tas-snin kollha li fihom il-ħaddiem ta s-servizz lavorattiv tiegħu lil Tas-Sold Construction Ltd”. 

Fenech min-naħa tiegħu sar jaf l-kumpanija ssottomettiet il-formula ta’ terminazzjoni fi ħdan l-Agenzija Jobsplus mingħajr l-approvazzjoni u l-qbil tiegħu fejn spjega li d-data tat-terminazzjoni hija waħda erroneja u hija bil-wisq iktar erronjea u ta’ preġudizzju serju r-raguni mogħtija għat-terminazzjoni de quo, liema terminazzjoni hija kompletament qarrieqa u abbużiva. 

Il-kumpanija qalet li rat “kambjament għall-agħar” fil-ħaddiem

Id-direttur tal-kumpanija, Emanuel Buhagiar filwaqt li speċifika li d-deċiżjonijiet dwar l-ingaġġi u t-terminazzjoni tal-impieg jeħodhom waħdu u ħadd aktar, sostna li, “fis-sena 2022 kien hemm kambjament għall-agħar fl-imġiba u l-attitudni ta’ Fenech… dan deherlu li seta’ jitfaċċa għax-xogħol meta jrid u kif irid”. 

Dan qal ukoll li l-ħaddiem inkwistjoni naqas milli jitfaċċa għax-xogħol 74 ġurnata; li ma ġewx ippreżentati ċertifikati ta’ sick leave għal dawn il-ġranet u li kien hemm drabi wkoll fejn il-ħaddiem imkeċċi kien talab pagamenti bil-quddiem fil-paga tiegħu. Żied li huwa, bħala direttur, kien għenu kif seta’. 

Buhagiar qal li Fenech “deherlu li jitfaċċa għax-xoghol nhar it-28 ta’ Settembru 2022 u dakinhar intalab jagħmel xi xogħol partikolari. Il-foreman preżenti, ċioè Paul Magri, ma kienx kuntent bil-kwalità tax-xogħol li huwa kien għamel għax il-mod kif sar, kien ta’ periklu għal ħaddieħor u għalhekk talbu jerġa’ jagħmlu mill-ġdid. Skont l-istess direttur, Fenech issupervja u telaq u ma reġax tfaċċa għax-xogħol. Iddikjara li l-kumpanija tirrespinġi bis-saħħa kollha fl-intier tagħhom l-allegazzjonijiet tal-ħaddiem imkeċċi.

Qatt ma talbuh imur lura għax-xogħol

Fost ix-xhieda f’dan il-każ kien hemm l-istess ħaddiem Fenech, Emanuel Buhagiar li huwa d-Direttur, Paul Magri fir-rwol tal-imgħallem, kif ukoll ħaddiema u persuni oħra involuti. Mit-trattazzjonijiet u s-sottomissjonijiet ingħad li Fenech, “bażi ta’ probbabilità, l-attur rnexxielu jipprova l-każ tiegħu, fejn huwa jikkontendi li dakinhar 28 ta’ Settembru 2022, huwa ġie mkeċċi inġustament”.
Barra minnhekk, ingħad li l-imsemmi direttur mar għand John Fenech biex jiġbor l-għodda mingħandu fejn intqal diskors bejniethom inkwantu t-tkeċċija ingusta. Fuq mistoqsija li saret mill-ħaddiem lid-diretttur, dan ammetta li semmielu l-frażi tal-“frotta ħażina” imma żied li ma saret ebda talba u/jew appell biex dan il-ħaddiem jerga’ jmur lura għax-xogħol. Dakinhar, kien hemm żewġ xhieda li semgħu d-diskursata kollha. 

Mar u ħoloq kommossjoni u paniku

… Instigahom għall-ġlied u biex jirrapportawh

Lit-Tribunal inġibditlu l-atttenzjoni li Magri saħansitra kien mar u ħoloq kommossjoni u paniku tant li offenda lil Fenech u persuna oħra. Dan saħansitra instigahom għall-ġlied u biex jirraportawh stante li kien ben konxju ta’ x’kien qiegħed jikkawża. Dan wara dak li seħħ fuq il-post tax-xogħol versu Fenech nhar it-28 ta’ Settembru, 2022, il-jum li fih Magri keċċih definittivament wara 13-il-sena jaħdem ma’ Tas-Sold Construction Ltd. Ġie ppreċiżat ukoll li kien hemm drabi li-istess imgħallem ġieli keċċa ħaddiema minn fuq il-lant tax-xogħol iżda wara kien imur lura għalihom bħal fil-każ ta’ Robert Frendo. 

Ix-xhud Emanuel Buhagiar xehed li huwa qal lil Fenech ‘bix-xhieda’ biex jaħdem in-notice u li ma kienx qiegħed ikeċċieh. Iżda, minkejja li xehed b’ġurament li dan il-kliem qalu bix-xhieda, ma kien hemm ebda xhud li ġie mħarrek mill-kumpanija Tas-Sold Construction Ltd. li kkorrobora din il-verżjoni tad-direttur. Min-naħa l-ohra, il-verżjoni tal-ħaddiem ta’ dak li qallu d-direttur nhar is-7 ta’ Ottubru, 2022 tinsab korroborata minn żewġ xhieda, minn Rebecca Mifsud u Samuel Cortis li huma xhieda kredibbli ta dak li seħħ f’dak il-jum. 

Emanuel Buhagiar xehed kif huwa ma bagħat xejn bil-miktub lil Fenech u lanqas sejjaħ laqgħat meta kien jaf bis-sitwazzjoni serja li kienet nħolqot abbazi ta’ dak li kien ġara nhar it-28 ta’ Settembru, 2022. Dan minkejja li Fenech kien spjegalu li Magri kien ħa dik it-tip ta’ deċiżjoni u miżura dakinhar li keċċieh. 

Qabad jgħajjat u jgħolli leħnu mal-ħaddiem…

Fl-affidavit ġuramentat ta’ dan il-ħaddiem spjega, b’mod mirqum sewwa sew u eżattament, kif ġraw l-affarijiet dakinhar li tkeċċa u meta wieħed iqabbel l-ispjegazzjoni kif dettata minn Fenech ma’ dik mogħtija mill-ħaddiema tal-kumpanija inkwistjoni, ħareġ ċar li m’hemmx dettalji u preċiżjoni. 

Waqt il-kontro-eżamijiet ta’ Jesmond Frendo u Robert Frendo, dawn ammettew li dak li seħħ inkwantu l-extension kien li Fenech innifsu kien qabad u għamel jew aħjar għolla l-extension biex il-gaffa tkun tista’ tgħaddi u jkun hemm l-element meħtieġ ta’ sigurtà. Ingħad li proprju malli dan waqa’, Pawlu Magri qabad jgħajjat u jgħolli leħnu mal-ħaddiem, in linea ma’ kif jixhed il-ħaddiem imkeċċi stess fl-affidavit tiegħu. 

Fl-affidavit tiegħu Fenech fost affarijiet oħra qal li, “nghid li Paul Magri kompla jgħajjat iktar u beda jgħidli li jekk jiena kont xbajt, kelli nitlaq… Magri ġie jiġri ħdejja u nfexx jgħajjat u jixher u qalli biex jekk xbajt nitlaq u mal-ewwel dawwar id-diskors u qalli ‘anzi, itlaq. Bik u mingħajrek xorta naħdem!’ Paul Magri kien qalli wkoll biex il-vann tax-xogħol inħallih hemm u biex inħalli wkoll iċ-ċwievet tiegħu”. 

Fil-kontro eżami… Qal li qatt ma qal li l-ħaddiem kien jiskarta

Il-kumpanija għamlet aċċenn fuq il-fatt li John Fenech m’attendiex għax-xogħol għal numru ta’ ġranet. Però, fit-Tribunal ħareġ li numru minnhom kienu parti mil-leave entitlement tiegħu u numru ieħor ta’ ġranet, kif ħareġ biċ-ċar mid- dokument ippreżentat, dawn kienu ġranet bla ħlas (unpaid). Hawn Fenech saħansitra ppreżenta sensiela ta’ messaġġi telefoniċi li huwa kien dejjem jibgħat lil Paul Magri jgħarrfu li ma setax jattendi għax-xogħol. Kif deher u rriżulta mill-istess, Magri kien iwieġbu u jgħidlu ‘ok’. 

Magri dwar Fenech fil-kontro-eżami enfasizza li huwa qatt ma qal li Fenech kien jiskarta. “Jien qatt m’għidt li kien jiskarta. Kien jiġi għax-xogħol, li jagħmel jitħallas u dak hu”. L-istess imgħalem qal ukoll li qatt ma kien hemm problemi fuq ix-xogħol li ppresta Fenech lill-kumpanija. 

Xhieda li kixfu mgħallem aggressiv

Ċertu ħaddiema tal-kumpanija Tas-Sold Construction Ltd saħansitra xehdu kif ma kinetx ħaġa ġdida li Pawlu Magri jatteġġja ruħu b’aggressività u b’għajjat mal-lavranti u b’hekk dan ukoll ħareġ ċar dwar it-tip u l-atteġġjament li jaddotta u jħadden l-imgħallem Magri mal-ħaddiema. 

Fit-trattazzjoni l-avukat tal-kumpanija nsista li dan huwa każ “sempliċissimu ta’ impjegat li ma kellu l-ebda interess fix-xogħol li kellu” u semma’ anke li Fenech ħa każin. Mentri, l-avukata ta’ dan il-ħaddiem ċaħdet l-attakk bl-argument li Fenech kien ilu 13-il sena impjegat mal-kumpanija. “Kien fdat tant li kien mogħti vann li dejjem seta’ jsuqu u kien jieħu ħsiebu huwa u dejjem kien hemm relazzjoni li kienet tajba, qatt ma kellu ebda warnings, qatt ma kien hemm l-ebda problematiċi. Tant huwa hekk li lil Magri kull darba li ma setax jattendi kien hemm il-messaġġi permezz tal-SMSs… Fost ġranet li Fenech ma setax jattendi, kien hemm appuntamenti li kellu bżonn jattendi ma’ martu li kienet tqila”. 

Hawn l-avukata saħħet l-argument tagħha billi qalet Magri kien jaf bis-sitwazzjoni ta’ Fenech u żiedet li, “qatt ma kien hemm problemi l-għala m’attendiex… Pawlu Magri għal kull messagg li bagħat John Fenech lilu fejn qallu, ma nistax nattendi għax tah ukoll dejjem ir-raġunijiet, Pawlu Magri dejjem baghtlu okay. Qatt ma kien hemm problema”.

Konsiderazzjonijiet tat-Tribunal

Il-kompitu ta’ dan it-Tribunal kien li jiddeċiedi jekk it-terminazzjoni mill-impieg kinitx għal raġuni tajba u biżżejjed skont il-ligi. Dan għamlu billi analizza l-fatti kollha u xtarr bir-reqqa dovuta l-argumenti kollha mqajma matul il-proċess. Dan kif ġew sponuti mix-xhieda u bosta dokumenti mill-partijiet u s-sottomissjonijiet u trattazzjonijiet tal-avukati. 

It-Tribunal qal li, “hawn qegħdin nittrattaw każ ta’ tkeccija ta’ ħaddiem li kien ilu tlettax (13) il-sena mal-kumpanija Tas-Sold Construction Ltd. Hekk ir-rikorrenti John Fenech ma kienx xi novizz. Kien ħaddiem ta’ esperjenza kbira u twila tant li l-istess kumpanija fdatlu f’idejh il-vann tal-kumpanija u bosta għodda”. 

Kompla li t-tkeċċija tal-ħaddiem Fenech hija marbuta prinċipalment ma’ dak li ġara fit-28 ta’ Settembru, 2022 meta dakinhar, dan il-ħaddiem intalab jagħmel xi xogħol partikolari mill-foreman Paul Magri. Dan tal-aħħar ma kienx sodisfatt bil-kwalità tax-xogħol li Fenech kien għamel u deherlu li l-mod kif sar ix-xogħol kien ta’ periklu għal ħaddiehor u għalhekk talbu jerġa’ jagħmlu mill-ġdid. 

Telgħet it-tempra u l-atmosfera saħnet

“Kif xehdu l-bqija tal-ħaddiema preżenti, l-atmosfera kienet waħda ta’ tensjoni u ntqal diskors bejn il-foreman u l-ħaddiem li ma kienx jixraq li jsir bejn żewġ kollegi li kien ilhom jaħdmu flimkien snin twal. Telgħet it-tempra u l-atmosfera saħnet. Dan it-Tribunal huwa konvint li d-diskors u l-atteġġjament ta’ Paul Magri fil-konfront tar-rikorrent kien ċar: Magri kien qiegħed ikeċċih mix-xogħol on the spot. Jekk Magri kellux is-setgħa jaqbad u jkeċċi ħaddiem jew le, huwa irrelevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ. Dan għax il-kumpanija qatt ma reġġgħet lura b’xi mod dak li kien għamel Magri. Anzi, mhux talli ma ippruvatx tirranġa b’xi mod ma’ Fenech jew għall-inqas tagħtih ċans li jispjega x’ġara f’dik il-ġurnata tat-28 ta’ Settembru 2022 imma, saħansitra baqgħet issostni li Magri kien korrett fl-aġir tiegħu. Għalhekk, ir-raġuni tiddetta li għal kull bon fini l-kumpanija kkonvalidat u kkonfermat dak kollu li għamel Magri inkluż it-tkeċċija. Għaldaqstant, il-kumpanija intimata ma tistax tistaħba wara l-fatt li tkeċċija, għalkemm evidentament saret fis-saħna tad-demm, kienet pjenament kondiviża u irratifikata minnha”. 

F’dan ir-rigward it-Tribunal qal li ma jistax ma josservax li tkeċċija mix-xogħol għandha tkun ‘the very last resort’ u jekk issir tkeċċija, din għandha ssir wara li l-persuna konċernata tingħata kull opportunità ta’ smiegħ kif jixraq, imparzjali u li tiddefendi ruħha anke jekk hemm bżonn b’għajnuna legali. 

Nuqqas serju fil-konfront tal-ħaddiem

Ingħad ukoll li fil-kaz ta’ Fenech dan qatt ma sar. Kien għalhekk li t-Tribunal qies l-atteġġjament min-naħa tal-kumpanija versu l-ħaddiem bħala nuqqas serju. It-Tribunal innota wkoll li r-rikorrent qatt ma ngħata xi twissija verbali jew bil-miktub speċjalment fejn għandu x’jaqsam in-nuqqas ta’ attendenza tiegħu fuq il-post tax-xogħol kif lamentat mill-kumpanija intimata. It-tkeċċija, għalhekk, kienet iċċentrata kompletament fuq dak li ġara fit-28 ta’ Settembru 2022. 

Għaldaqstant, wara li eżamina u evalwa d-dikjarazzjonijiet ta’ dan il-każ flimkien mal-provi miġjuba, it-Tribunal Industrijali ddeċieda li l-ħaddiem John Fenech ma kienx jistħoqqlu jiġi terminat mill-impieg tiegħu u bil-mod kif attwalment ġara. Għalhekk, qies din it-tkeċċija mill-impieg bħala waħda inġusta u ddeċieda li hemm lok ta’ kumpens lill-ħaddiem fl-ammont ta’ €7,500. Ġie ordnat ukoll li l-kumpens jitħallas fi żmien xahar minn din id-deċiżjoni.

Sport