Jeremy Borg ta’ 21 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kiser kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti.
Hekk kif beda jinstema l-każ fil-Qorti, id-difiża kkontestat l-arrest tal-imputat, hekk kif fost oħrajn qalet li huwa ma ngħatax id-drittijiet tiegħu mal-mument li ġie arrestat.
Dwar dan il-punt legali, il-Qrti qalet li se tkun qed tara l-fatti kollha u tiddeċiedi dwar l-validità tal-arrest aktar tard fil-proċedura.
Borg ġie akkużat li fost l-oħrajn kiser ordnijiet imposti fuqu mill-Qorti dwar il-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ieħor. Borg hu wieħed mill-akkużati li huma mixlija l-allegat ħtif ta’ Carlos Schembri liema każ kien seħħ is-sena l-oħra.
L-Ispettur Lydon Zammit li qed imexxi l-prosekuzzjoni qal fil-Qorti li fil-karozza mal-imputat kien hemm Sean Grech, li wkoll kien qiegħed barra fil-10:50pm fejn suppost dawn iż-żewġ persuni kienu qegħdin fi djarhom skont ordni tal-Qorti.
L-Ispettur Zammit stqarr li meta l-Pulizija tkellmet maż-żewġ persuni, u meta ġew mistoqsija r-raġuni għala dawn kienu qed jiksru l-kundizzjonijiet tal-Qorti, dawn taw żewġ verżjonijiet differenti.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif sostniet li Borg kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq 3 każi oħrajn u għalhekk wieħed ma jistax jafdah li se jżomm mal-ordnijiet tal-Qorti.
Hekk kif il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest, fl-awla inqalgħet kommessjoni kbira. Borg waqt li kien qed jiġi skortat ‘il barra beda jidgħi u mill-ewwel ġie ordnat mill-Maġistrat biex jerġa’ jidħol fl-awla.
Huwa nstab ħati ta’ disprezz fil-Qorti, u ingħata multa ta’ €1,000.
Il-Qorti ddiferiet din il-kawża għall-ħdax ta’ Jannar fis-siegħa u nofs.