Wednesday, April 24, 2024

Tfajla mill-Munxar tammetti li tefgħet ġebla lejn wiċċ mistieden waqt festin

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 22 sena mill-Munxar ammettiet u għalhekk instabet ħatja li f’Diċembru li għadda waqt li kienet qed tattendi festi tal-familja f’Kerċem Għawdex tefgħet ġebla lejn wieħed mill-mistednin.

It-tfajla li isimha mhux qed jixxandar tressqet il-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fejn ġiet akkużata li fit-8 tax-xahar li għadda weġġgħet gravi raġel f’dar li tinsab f’Kerċem.

Skont dak li ntqal fil-Qorti, it-tfajla hekk kif marret għal festin sabet ma’ wiċċha raġel li fil-passat kellha xi argumenti miegħu u baqgħet tibża’ minnu.

Irriżulta li waqt il-festin inqala xi diżgwid u minħabba dan it-tfajla tefgħet ġebla lejn dan ir-raġel u laqtitu f’wiċċu.

Il-Maġistrat Caruana qal li jirriżulta li dan kien inċident ta’ darba bejn it-tfajla u l-vittma u kien il-qofol ta’ bosta ċirkostanzi partikolari li ilhom jikbru tul iż-żmien.

Huwa żied jgħid li wara l-ammissjoni tagħha, ma kellux triq oħra ħlief li jsibha ħatja tal-akkużi kollha kontriha.

Meta ġie biex jagħti l-piena, l-Maġistrat qal li l-akkużata għandha fedina penali nadifa u li għandha ċirkostanzi partikolari li jeħtieġu attenzjoni professjonali biex jingħelbu.

Il-Qorti qalet li ma tqisx li piena ta’ ħabs effettiva hi idonea, anzi qalet li din toħloq diffikultajiet fil-konfront tagħha.

Madankollu qalet li bi ftit sforz, hija se tkun tista’ ttejjeb il-qagħda tagħha u tegħleb id-diffikultajiet temporanji li jista’ għandha.

Kien għalhekk li waqt li sabha ħatja lliberaha bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ trattament fil-konfront tagħha u ordnatilha ma tersaq lejn il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin.

Sport