Mara ta’ 47 sena residenti l-Birgu kienet immultata €1,000 wara li nżammet responsabbli talli bagħtet messaġġi, liema messaġġi kienu allegatament ta’ theddid fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta Mark Sultana.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Michael Vella spjegat li l-każ seħħ fil-25 ta’ Orttubru tas-sena li għaddiet, meta allegatament l-imputat Dollsy Darmanin bagħtet messaġġ ta’ ttheddid lil Sultana.
Ingħad li ftit tal-ġranet wara li rċieva l-messaġġ, il-vittma għamel rapport mal-Pulizija, fejn qalilhom li rċieva messaġġ mingħand l-imputata bil-frażi; “If you call the police on my family one more I will end you all”.
L-Ispettur Vella qal li l-Pulizija bagħtet għal Darmanin fl-għassa ta’ Tas-Sliema u li din qaltilhom li l-messaġġ kien intbagħat minn binha ta’ 11-il sena li kellu aċċess għall-Messenger tagħha.
Mal-Pulizija spjegat li aktarx binha kien bagħat dak il-messaġġ, minħabba li fl-istess perjodu, kien hemm xi ħadd li ħarrab xi għasafar mill-għalqa ta’ nannuh u xi nies kienu qed jissuspettaw jew iwaħħlu f’membri tal-BirdLife.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li l-akkużata ammettiet li l-messaġġ b’theddid intbagħat minn fuq il-Messenger tagħha u hija responsabbli għall-profil tagħha u għall-kontenut fih.
Żiedet li l-akkużata ma ressqet ebda prova li kien binha li bagħat il-messaġġ u għalhekk sabitha ħatja u mmultata €1,000.