Tuesday, November 26, 2024

Imnedija investigazzjoni fuq inizjattiva propja dwar permessi għal stalel mill-Awtorità tal-Ippjanar

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, wara konsultazzjoni mal-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, ta bidu għal Investigazzjoni komprensiva fuq Inizjattiva Proprja dwar permessi maħruġa għall-istalel mill-Awtorità tal-Ippjanar sa mill-implimentazzjoni tar-Rural Policy and Design Guidance fl-2014.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li l-proċess tal-ħruġ ta’ permessi għall-istalel huwa skont il-linji gwida u jitwettaq b’integrità u trasparenza. L-investigazzjoni se tiffoka fuq diversi aspetti kritiċi biex taċċerta li l-permessi maħruġa huma skont il-policies u r-regolamenti stabbiliti.

 
Punti ewlenin tal-Investigazzjoni:

 
Verifika tar-reġistrazzjoni ekwina: L-investigazzjoni se teżamina jekk kull permess għal stalla huwiex korrelatat ma’ żiemel reġistrat, filwaqt li tiżgura li l-faċilitajiet huma utilizzati proprju għall-iskop li huma maħsuba għalih.

Miżuri ta’ wara l-mewt tal-ekwin: Se jkun hemm valutazzjoni tal-passi meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar meta ekwin/żiemel li huwa reġistrat, u li miegħu assoċjat il-permess ta’ stalla, eventwalment imut, sabiex jiġi determinat l-użu jew il-modifika sussegwenti ta’ dik l-istalla. 

Prevenzjoni tal-abbuż tal-permessi: L-investigazzjoni se tkun qed tiskrutinizza l-mekkaniżmi fis-seħħ biex timpedixxi l-ħruġ ta’ permessi multipli għal ekwin/żiemel wieħed, speċjalment f’każijiet fejn iż-żiemel ikollu aktar minn sid wieħed, biex jitrażżnu l-abbużi potenzjali fil-proċess tal-permess.

Verifika dwar is-sidien/proprjetarji: Parti sinifikanti tal-investigazzjoni se tiffoka biex tiżgura li l-permessi jingħataw biss lil individwi li għandhom l-ekwini/iż-żwiemel, u b’hekk jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin mis-sistema tal-permessi.

Konsiderazzjoni tar-reġistrazzjonijiet lokali: Il-Kummissarju se jivverifika wkoll jekk l-Awtorità tal-Ippjanar meta toħroġ il-permessi għall-istalel, tagħtix prijorità lir-reġistrazzjonijiet tal-ekwini/taż-żwiemel uffiċjali lokali fuq dawk barranin jew mhux lokali.

Din l-inizjattiva tkompli tisħaq dwar id-dedikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jrawwem kontabilità u trasparenza, filwaqt li jiżgura li r-Rural Policy and Design Guidelines jiġu rispettati u segwiti bir-reqqa.

Permezz ta’ din l- Investigazzjoni fuq Inizjattiva Proprja, l-Uffiċċju għandu l-intenzjoni li jagħmel rakkomandazzjonijiet li se jikkontribwixxu biex issir ir-reviżjoni u t-tisħiħ tal-policy rurali li ilha snin stabbilita.

Sport