Monday, December 23, 2024

Imnedija ‘Irrinova Darek’ – skema biex ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija

Aqra wkoll

Skema pilota bl-isem ta’ ‘Irrinova Darek’ ġiet imnedija biex tħeġġeġ ir-riġenerazzjoni sostenibbli ta’ bini residenzjali fil-gżejjer Maltin.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) Karl Azzopardi.

Din l-iskema mill-BCA, hija disponibbli għar-rinnovar ta’ proprjetajiet fid-distrett tal-Port il-Kbir peress li dawn il-lokalitajiet jinkludu bini li fil-maġġoranza huwa ineffiċjenti fl-enerġija u jippreżenta sfidi partikolari biex issir ir-riġenerazzjoni tiegħu. 

Il-Ministru Farrugia qal li l-gvern se jkun qed jalloka s-somma ta’ €600,000 għal din l-inizjattiva, li hi maħsuba biex tibda tindirizza l-miri nazzjonali ta’ rinnovar ta’ residenzi privati f’konformità mal-Long-Term Renovation Strategy. Din l-ewwel skema għandha taġixxi bħala bażi għal aktar skemi potenzjali. Il-Ministru Farrugia qal li skemi bħal dawn huma parti mit-tranżizzjoni ekoloġika tal-gvern u bidla lejn id-dekarbonizzazzjoni u bini aktar sostenibbli f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega li din l-iskema pilota se tassisti lin-nies biex jinvestu f’enerġija nadifa, li tippermettilhom jiffrankaw il-flus u jikkontribwixxu għall-isforzi kontinwi tal-pajjiż biex sal-2050 l-istokk tal-bini f’Malta jsir prattikament newtrali għall-klima. “Aħna impenjati li nkomplu naħdmu fuq l-aħjar miżuri għal enerġija aktar nadifa u orħos. Se nkomplu nżommu l-familji fil-qalba tal-politika tagħna filwaqt li nedukaw lin-nies b’mod li jgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fi djarhom”, qal is-segretarju parlamentari.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tar-rinnovar hija li jkun hemm prestazzjoni tal-enerġija li hija 20% aħjar minn Nearly Zero Energy Buildings. Karatteristiċi ewlenin oħra jinkludu t-tnaqqis fl-użu tal-enerġija meħtieġa biex issaħħan u tkessaħ proprjetà, kif ukoll, li tippermetti l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

“Irrinova Darek tippermetti li r-rinnovar tad-djar jilħaq l-għanijiet doppji li titnaqqas il-ħtieġa għal użu kbir ta’ enerġija fid-djar u li dawn jinbidlu f’cost-effective unitsli jkunu sostnuti mill-familji. Ir-rinnovar jista’ jitfassal għall-bżonnijiet speċifiċi tad-dar u huwa flessibbli għall-mod kif jiġu attwati ċerti miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, kif jiġu integrati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u interventi assoċjati”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi.

L-applikanti huma mħeġġa jirreġistraw l-interess tagħhom biex japplikaw għall-iskema mal-BCA. Mar-reġistrazzjoni, l-applikanti eliġibbli jiġu infurmati biex jipproċedu għall-ingaġġ ta’ energy performance assessor reġistrat għad-djar biex jipproċedi bil-ġbir tad-data, jiġbor informazzjoni u jissottometti l-applikazzjoni sħiħa.

L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu mill-1 ta’ Marzu sal-1 ta’ April 2022.

Mat-tlestija tax-xogħlijiet, sa 90% tal-ispiża tal-proġett se titħallas skont l-evalwazzjoni mwettqa mill-BCA. Ir-rifużjoni massima hija ta’ €15,000 b’€900 addizzjonali għall-installazzjoni ta’ solar water heater jew heat-pump water heater. Ir-rifużjoni massima għax-xogħlijiet li jinvolvu l-installazzjoni ta’ solar water heater hija ta’ 50% tal-ispiża.

Permezz tal-iskema ‘Irrinova Darek’, il-BCA għandha tkompli l-mixja tagħha biex tirriforma l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni billi tibni soċjetà aktar sostenibbli għal kulħadd.

Ekonomija

Sport