Tuesday, May 14, 2024

“Fil-jiem li ġejjin se nibqgħu nuru kif se nagħmlu l-futur ta’ dan il-pajjiż aktar sabiħ” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Malta flimkien. Ħafna enerġija, ideat, ottimiżmu… hekk bdejna u hekk se nkomplu, għax għandna pjan għal Għawdex u għal Malta. Fil-jiem li ġejjin se nibqgħu nuru kif se nagħmlu l-futur ta’ dan il-pajjiż aktar sabiħ.”

Hekk beda l-indirizz tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt l-ewwel rally tal-Partit Laburista li sar ġewwa Ħal Qormi.

Qal li l-isbaħ ideat jitwieldu mill-qalba tal-komunitajiet u mill-mument li ħabbar li kien se jitlob il-fiduċja tan-nies, kompla jsaħħaħ il-fehma tiegħu kemm dan il-poplu huwa mimli mħabba għal pajjiżu.

“Daqstant ieħor kemm dan il-poplu huwa mimli mħabba għal għajru,” qal Dr Abela fejn qal li rċieva diversi messaġġi ta’ ringrazzjament, iżda qal li r-ringrazzjament tiegħu huwa għal dawk kollha li kienu miegħu f’dawn is-sentejn ta’ sfidi.

“Imma issa ejja niġbdu ħabel wieħed biex mir-Rebbiegħa li ġejja dan il-pajjiż ikun jista’ jkompli fit-triq tan-normalità u jissaħħaħ bi prosperità ġdida. Għalhekk se niddeċiedu fis-26 ta’ Marzu għax mal-mument li jibda l-isbaħ perjodu għall-familji Maltin u l-Għawdxin, irridkom iiffukati biss fuq dak li huwa għażiż għalikom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-ħajja sabiħa u rridkom tgawduha. Il-pandemija ħaditilna wisq, iżda issa nistgħu nħarsu ‘l quddiem għax wasal il-mument li ngħixu bl-aqwa mod mill-ġdid,” qal Dr Abela.

Huwa osserva kif ħames snin ilu beda l-mixja politika tiegħu fejn inbidlu ħafna affarijiet minn dakinhar u ttieħdu ħafna deċiżjonijiet. “Ħaġa waħda baqgħet konsistenti… ir-rieda li naħdem għalikom. Jien qiegħed hawn għalikom,” qal il-Prim Ministru.

Tkellem dwar l-importanza li tkun u tibqa’ umli u dan ifisser li tibqa’ saqajk mal-art, fl-istess ħin li taspira li int u l-familja timxu ‘l quddiem. Qal li dawn il-valuri ħadhom fil-ħajja politika u jrid iżommhom ħajjin fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż li tant iħobb. 

Żied jgħid: “Fl-ewwel ħames proposti li ressaqna l-Ħadd, dawn il-valuri narhom ħajjin, anzi narhom jieħdu iktar ħajja. Il-familja jixirilqilha ambjent isbaħ u aħjar. Għalhekk se nagħmlu l-ikbar investiment fl-istorja biex il-familji tagħna jgawdu lil xulxin fi spazji miftuħa. €100 miljun fis-sena għal seba’ snin. €100 miljun fis-sena ta’ investiment fi kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Il-Prim Ministru assigura li se jibgħu jgħinu lill-familji u fost l-oħrajn il-pensjonanti tagħna. “F’din il-leġislatura qed ngħidulkom minn quddiem li se nagħtu żieda akbar. Il-mira tagħna hija li nagħtu d-doppju ta’ dak li kelna fl-aħħar manifest… u jekk nifilħu li nagħtu aktar tafu li hekk nagħmlu. Magħna tafu fejn qegħdin. Fl-istess ħin li naraw il-pensjonanti jkollhom pensjoni għola, nieħdu ħsieb biex innaqsulhom il-piżijiet u għalhekk irridu naslu biex il-pensjonanti kollha jieħdu l-mediċini b’xejn. Ħaddieħor kien iħallikom bla mediċini, aħna se nħallukom bla kontijiet tal-mediċini. Imma biex dan ikun sostennibbli rridu ekonomijia soda, u l-aqwa garanzija hija li nibqgħu nipremjaw il-bżulija,” qal Dr Abela filwaqt li żied jgħid li għalhekk se jnaqqsu t-taxxa.

Tkellem ukoll li mal-ħaddiema hemm bżonn li jgawdu wkoll in-negozji li jħaddmuhom. Qal li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, se jkun l-ewwel Prim Ministru Laburista li jnaqqas ir-rata ta’ taxxa fuq in-negozji. “Dan nagħmluh għax nemmnu li dak li se nagħtu n-negozji se jużawh biex ikabbru l-operat tagħhom, jinvestu u jikkreaw aktar ġid. Iva, aħna l-partit tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Aħna ma nġeldux wieħed kontra l-ieħor, minflok aħna nemmnu f’Malta flimkien. Aħna konna, għadna u se nibqgħu l-partit tal-aspirazzjoni. Kulħadd għandu jaspira li jimxi ‘l quddiem. Se tkun kampanja fejn se nuru kif dan il-pajjiż kulħadd jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu,” qal il-Prim Ministru.

Qal li fil-jiem li ġejjin se jkomplu jippreżentaw inizjattivi ġodda għax l-għażla hija dwar il-futur u min għandu l-kredibilità biex dak il-pjan iwettqu. Qal li l-Partit Laburista għandu dik il-kredibilità u li meta jwiegħed xi ħaġa jassigura li dik il-kelma jżommha.

“L-għażla tibqa’ bejn il-passat u l-futur u tistgħu taraw id-differenza mill-bieraħ sal-lum. Oppożizzjoni iffukata fuq il-passat. Aħna l-futur. L-eżempji tal-preżent huma biss iċ-ċertifikat tal-garanzija li nagħtikom jien li dak li nwiegħdu nwettquh. Din l-għażla se nagħmluha fl-aktar mument importanti,” qal Dr Abela.

Sport