Thursday, November 14, 2024

Imnedija kampanja nazzjonali dwar id-droga

Aqra wkoll

Kif tinduna li t-tfal qed jieħdu d-droga? X’parir tista’ tagħti lil ħabib li għaddej mill-vizzju tad-droga?  X’inhuma l-effetti ta’ dik it-tip ta’ droga speċifika? Kif tiddistingwi droga minn oħra? Id-droga kemm  vera hija aċċessibbli? 

Dawn kollha huma biss parti żgħira minn kampanja edukattiva skedata fuq medda tax-xhur li ġejjin  f’pajjiżna u d-dettalji dwarha ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-Ministru Michael Falzon u  s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat nedew din il-kampanja ta’ informazzjoni, immirata l-aktar  lejn l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. 

Bl-isem ‘Just Facts Malta’, din il-kampanja se tkun qed tagħti l-perspettivi kollha marbuta mal-użu  ħażin tad-droga u ta’ sustanzi oħra f’pajjiżna. Din il-kampanja kienet fuq perjodi ta’ xhur wara  konsultazzjoni ma’ adoloxxenti, ma’ żgħażagħ u ma’ persuni li jagħmlu użu mid-droga u oħrajn li  saħansitra kellhom esperjenzi qarsa kawża tad-droga stess. Fuq kollox, il-mira ewlenija hija li jasal  messaġġ ċar u b’saħħtu, mingħajr ebda ħabi u preġudizzju. 

Uħud mill-iktar sorsi li mistennija li jkunu effettivi f’din il-kampanja huma l-paġna ta’ Facebook ‘Just  Facts Malta’ kif ukoll il-website justfacts.gov.mt. Hawnhekk, persuna tista’ tistaqsi mistoqsijiet jew  tikseb kwalunkwe informazzjoni li tixtieq. Minn studji xjentifiċi jirriżulta li l-aktar perjodu fejn  persuna tkun suxxettibbli l-aktar għall-użu tad-droga huwa bejn il-15 u l-25 sena.  

Il-Ministru Michael Falzon faħħar is-sehem tan-National Addiction Advisory Board li bnew din il kampanja fuq bażi xjentifika, edukattiva u informattiva u semma li l-għan ewlieni hu li ninfurmaw dwar fatti xjentifiċi li jwasslu biex inneħħu ċerti taboos li għadhom evidenti. 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Aġenzija Komunità Malta hija protagonista,  b’investiment ta’ madwar €90,000 f’din il-kampanja edukattiva. “Grazzi għal aġenziji bħal dawn,  pajjiżna qed jirnexxilu jinvesti fi proġetti u f’inizjattivi varji li jolqtu direttament lill-Maltin u lill Għawdxin kollha u lill-komunitajiet tagħna kollha. Il-ġid li jinħoloq mill-investiment barrani dirett  jissarraf fi proġetti tanġibbli għan-nies sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna u nibqgħu  ninvestu fil-komunità”, qal is-segretarju parlamentari. 

Id-differenza ta’ din il-kampanja fuq oħrajn preċedenti hija l-fatt li hi mibnija f’ambjent li forsi llum  qed jara persuni aktar esposti għall-użu tad-droga u għal sustanzi oħra. Għalhekk l-għan tagħna huwa li nagħtu direzzjoni u li nuru dak kollu involut. Abbuż żgħir illum jaf ifisser konsegwenzi kbar għada u pitgħada. L-għan aħħari tagħna huwa dak li nuru kemm ħajja mingħajr droga tfisser inqas problemi,  iktar kuntentizza, ħajja aktar b’saħħitha u li tħeġġeġ iktar eżerċizzju u ħin ta’ kwalità ma’ dawk l aktar qrib tagħna.

Ekonomija

Sport