Saturday, December 21, 2024

Imnedija kampanja ta’ informazzjoni dwar proġetti ffinanzjati minn fondi Ewropej

Aqra wkoll

Bħala parti mill-baġit ta’ fondi Ewropej allokat għal Malta għall-perjodu 2014-2020, pajjiżna bbenefika minn iktar minn biljun ewro, li ntużaw biex jiġu implimentati mijiet ta’ proġetti f’oqsma differenti bl-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-proġetti li qegħdin jitwettqu bil-fondi Ewropej ivarjaw fin-natura u d-daqs tagħhom, kif ukoll fl-oqsma li qegħdin jolqtu. Madankollu, li huwa żgur huwa li għandhom impatt kbir u pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. 

F’dan ir-rigward, il-kampanja ‘Europe In My Region’ hija inizjattiva ta’ komunikazzjoni implimentata madwar l-Unjoni Ewropea kollha, bl-għan li turi u tippromwovi proġetti ffinanzjati mill-UE mwettqa f’pajjiżi differenti madwar l-Ewropa. Il-pajjiżi madwar l-UE jorganizzaw attivitajiet u joħolqu għodod differenti biex iċ-ċittadin ikun infurmat b’dak li qed jitwettaq permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

L-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej f’Malta din is-sena qed tieħu sehem f’din il-kampanja permezz ta’ wirja fotografika li se ddur f’diversi nħawi tal-pajjiż, sabiex turi wħud mill-proġetti li saru jew qegħdin isiru bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. Il-wirja għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni interessanti u aġġornamenti lill-pubbliku ġenerali dwar dawn il-proġetti, filwaqt li żżid ukoll l-għarfien dwar kif il-fondi Ewropej għenu liċ-ċittadini Maltin.

Sittax-il proġett qegħdin jiġu ppreżentati f’din il-wirja, fosthom proġetti ambjentali bħal ma huma l-proġetti tal-immaniġġjar tar-riżorsa tal-ilma u tar-rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija, proġetti tat-titjib fit-network tat-toroq biex jiġi indirizzat it-traffiku, proġetti kulturali bħal ma huma tal-MUŻA u s-Sacra Infermeria, proġetti soċjali u ħafna oħrajn.

Il-wirja se tkun qed iżżur numru ta’ rħula f’Malta u Għawdex, fosthom Birżebbuġa, Marsaskala, Tas-Sliema, il-Qawra, il-Birgu, ir-Rabat, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ir-Rabat f’Għawdex u l-Belt Valletta.

Din il-kampanja ġiet imnedija f’Birżebbuġa mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Għat-tnedija ta’ din il-kampanja, twaqqfet wirja fil-Promenade ta’ Birżebbuġa b’pannelli li juru diversi proġetti minn oqsma differenti ffinanzjati minn fondi Ewropej. Waqt id-diskors tal-ftuħ, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li ninfurmaw lin-nies dwar kif qed jintefqu l-miljuni ta’ ewro li pajjiżna qed jirċievi mill-Unjoni Ewropea, biex permezz ta’ proġetti f’kull qasam, inkomplu ntejbu l-ħajja tan-nies.

Għal aktar dettalji dwar il-wirja, wieħed jista’ jżur il-paġna fuq Facebook www.facebook.com/eufundsmalta  jew is-sit uffiċjali fuq www.eufunds.gov.mt.

Ekonomija

Sport