Friday, November 1, 2024

Imnedija konsultazzjoni dwar proġetti ta’ pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar

Potenzjal ta’ 50 megawatt t’enerġija nadifa, erba’ mili nawtiċi ’l barra minn Delimara

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli ħabbret konsultazzjoni preliminari biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar (nearshore floating solar farms) fl-ibħra territorjali ta’ Malta.

Il-Ministeru u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) nedew dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, magħruf bħala preliminary market consultation(PMC) nhar l-Erbgħa. Il-PMC jidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ’l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibbilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari konnessi mal-grid b’kapaċità ta’ 50 megawatt t’enerġija rinnovabbli.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jixpruna aktar investimenti fl-enerġija nadifa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ Malta għad-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà.

“Qed nipprovdu diversi għajnuniet biex ninkoraġġixxu lill-familji u l-imprendituri jiżviluppaw aktar sistemi t’enerġija nadifa fuq l-art. Ta’ kull sena qed naraw żieda ta’ enerġija mir-rinnovabbli fit-taħlita tas-sorsi t’enerġija tal-pajjiż. Madankollu, fi stat ta’ gżejjer bħal tagħna, hemm limitazzjonijiet biex insibu spazji kbar għal sorsi t’enerġija fuq l-art. Nemmnu bi sħiħ li l-opportunitajiet li joffru l-ibħra madwarna jistgħu jkunu soluzzjoni importanti. L-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar hija teknoloġija li għadha fil-bidu tal-iżvilupp tagħha, li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin, b’aktar riċerka u żvilupp. Permezz ta’din il-konsultazzjoni, qed niskattaw proċess li jista’ jinkoraġġixxi lill-investituri u l-innovaturi biex ipoġġu lil Malta fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija ambjentali innovattiva,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Inġ. Abigail Cutajar, mill-Ministeru għall-Enerġija, qalet li wara diskussjoni preliminari mal-awtoritajiet u stakeholders relevanti, is-sit propost fil-PMC ġie identifikat minħabba li jinsab viċin l-infrastruttura elettrika tal-Enemalta f’Delimara. Dan jiffaċilita konnessjoni aktar sigura mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż, b’inqas telf t’enerġija fit-trażmissjoni. Fl-istess waqt, dan l-iżvilupp ma jwassalx għal impatti viżwali mill-kosta fl-inħawi peress li l-installazzjoni ta’ teknoloġiji tax-xemx ikunu installati baxxi aktar minn installazzjoni oħra tal-baħar.

Inġ. Cutajar spjegat kif il-PMC għandu l-għan li jiġbor proposti minn operaturi għall-użu ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari f’wiċċ il-baħar, inkluż photovoltaic farms, li jestendu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta ta’ Malta u Għawdex. Operaturi ekonomiċi se jkunu jistgħu jipproponu proposti bbażati fuq iż-żona identifikata, jew f’postijiet oħra li jitqiesu fattibbli għal dawn it-tip ta’ proġetti. Dan il-proċess se jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ kemm l-investituri huma interessati f’din it-teknoloġija, biex il-Gvern ikun jista’ jevalwa kemm is-suq huwa mħejji għalih. Fl-istess waqt, il-proċess se jgħin l-istudji tekniċi li għaddejjin biex tkun tista’ tinħareġ sejħa għall-offerti għal dawn il-proġetti.

Investituri li eventwalment jistgħu jintgħażlu għal dawn il-proġetti jkunu meħtieġa li jiksbu l-permessi tal-iżvilupp u ambjentali meħtieġa, u jagħmlu diversi studji, inkluż dawk biex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ qiegħ il-baħar u aspetti oħrajn ambjentali u tekniċi għal kull sit.

Inġ. Mark Camillier, mir-REWS, spjega li d-dokument tal-PMC u kull informazzjoni relevanti jinsabu online fuq rews.org.mt/pmc. Din il-konsultazzjoni se tkun miftuħa sa nhar l-Erbgħa 24 ta’ April 2024.

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed jaħdem ukoll fuq proċess separat għal investimenti f’sistemi t’enerġija rinnovabbli offshore, bħal floating wind farms, fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta. Fl-2023 ġiet varata għal konsultazzjoni pubblika abbozz tal-politika bl-isem National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy. Din il-politika se tkun qed tiġi ppubblikata fix-xhur li ġejjin. Fl-istess waqt, il-Gvern qed jippjana wkoll li jniedi pre-qualification questionnaire (PQQ) biex jistieden lill-investituri jipproponu proġetti t’enerġija rinnovabbli offshore.

L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Azzjoni Klimatika, il-Prof. Simone Borg, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joseph Caruana, id-Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Margaret Cassar u rappreżentanti mill-Planning Authority, Continental Shelf Department, Enemalta plc, Interconnect Malta, Malta Enterprise, l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-Inġiniera, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Malta Energy Efficiency and Renewable Energies Association u Malta Intelligent Energy Management Agency kienu preżenti waqt it-tnedija tal-PMC.

Għal aktar tagħrif, żur il-midja soċjali ta’ Sostenibbilità.

Sport