Monday, December 23, 2024

Imnedija l-edizzjoni tal-BOV Super Cup f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-BOV Super Cup se tkun qed tintlagħab nhar il-Ħamis 8 ta’ Diċembru fil-Gozo Stadium fl-4pm.

Din hija l-ewwel darba mill-ewwel edizzjoni fl-1984, li s-Super Cup mhix qed tintlagħab f’Malta u se tiċċaqlaq lejn Għawdex. Din se tkun qed tara liċ-champions tal-BOV Premier League tal-istaġun li għadda Hibernians u lir-rebbieħa tal-Izibet FA Trophy Floriana jikkompetu għat-Tazza. Se tkun ir-raba’ Super Cup ta’ Hibernians jew it-tielet ta’ Floriana fl-istorja tagħhom?

Nhar it-Tnejn wara nofsinhar tnediet uffiċjalment l-ewwel ‘BOV Super Cup – Gozo Edition’ fil-preżenza ta’ Jake Grech u Jan Busuttil li rrappreżentaw lil Hibernians FC u Floriana FC rispettivament.

“Hu ta’ unur għalina li kompetizzjonijiet bħal dawn jintlagħbu f’Għawdex u nistennew b’ħerqa aktar avvenimenti bħal dan li fuq kollox isaħħu t-turiżmu intern,” qal il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. “Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet sportivi, biex jattira aktar turiżmu sportiv lejn il-gżira Għawdxija.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar il-popolarità tal-futbol fix-xena lokali u qal li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-BOV Super Cup hija waħda mistennija ħafna. “Wara assenza ta’ sentejn minħabba l-miżuri restrittivi marbuta mal-pandemija, din l-edizzjoni li se ssir f’Għawdex għall-ewwel darba hija mistennija ħafna,” qal il-Ministru Grima. “Bħal kull avveniment sportiv, konvint li mhux biss se jkun hemm entużjażmu, iżda wkoll logħba bi spirtu sportiv. L-edizzjoni ta’ din is-sena li se ssir f’Għawdex hija wkoll konformi mal-ħidma tagħna biex naraw li l-isport ikun aċċessibbli għal kulħadd”, qal il-Ministru Grima.

Il-viċi-president tal-MFA Matthew Paris irringrazzja lill-istakeholders kollha li huma wara din l-inizjattiva innovattiva. “Il-BOV Super Cup tirrappreżenta l-aqwa futbol Malti u l-Assoċjazzjoni qed teħodha Għawdex biex tagħti wkoll lill-Għawdxin l-opportunità li jesperjenzaw b’mod dirett waħda mill-aqwa kompetizzjonijiet fil-futbol Malti” qal Dr Paris. Spjega li l-MFA temmen li din se tkun logħba tajba li l-Għawdxin u dawk li se jkunu Għawdex f’dak il-perjodu tal-festa m’għandhomx jitilfu. Ħabbar ukoll li l-logħba se tkun akkumpanjata minn villaġġ tal-partitarji f’It-Tokk fir-Rabat, li d-dettalji tiegħu jitħabbru fi żmien qasir.

“Bħala sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta, il-Bank of Valletta jinsab ferħan li jara lill-MFA tilħaq udjenzi ġodda u tkompli tippromwovi l-futbol madwar il-gżejjer tagħna” qal il-COO tal-BOV Ernest Agius. “L-appoġġ estensiv tagħna għal diversi inizjattivi sportivi ġej mit-twemmin tagħna li l-isport huwa ta’ benefiċċju għall-benessri fiżiku u mentali tal-komunità tagħna, f’konformità mal-impenji ESG tagħna”.

Dr Samuel Azzopardi, president tal-Gozo Football Association, qal li huma ppjanati li jsiru numru ta’ avvenimenti kbar fil-Gozo Stadium, li waħda minnhom hija l-BOV Super Cup f’Diċembru. Madankollu qabel dan l-Istadium se jospita żewġ logħbiet tat-tournament preparatorju tal-UEFA Under 19, u aktar tard f’Lulju jospita l-kampjonat attwali li jinkludi l-aqwa timijiet tal-Under 19 fl-Ewropa.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport