Thursday, April 18, 2024

ŻEWĠ TERZI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ir-regoli li ddaħħlu biex ħatriet għolja fl-istat isiru permezz ta’ vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament bdew jagħtu l-frott tagħhom. Kif mistenni, ir-riżultat qed ikun staġnar istituzzjonali. Mhux jintlaħaq qbil dwarhom. Iż-żewġ terzi tal-voti ma jinstabux. Il-karigi qed jibqgħu vojta.

Dan wara li għorrief ġew jistħarrġu d-demokrazija parlamentari f’Malta u ħeġġuna biex nadottaw din ir-riforma. Kull min għandu anke l-iċken tagħrif dwar l-istorja politika ta’ Malta matul is-snin kien jifhem kemm dit-triq setgħet tkun kontro-produċenti. 

Fis-sistema Taljana fejn hemm regola ta’ żewġ terzi, hemm ukoll miżura li tfittex li teħles minn dil-problema billi wara numru ta’ votazzjonijiet falluti, iddur biex taċċetta nomina bbażata fuq maġġoranza assoluta. Imma xi ħaġa bħal din ma dehritx aċċettabbli għal Malta.

Mhijiex ħaġa sabiħa la għall-Gvern u lanqas għall-Oppożizzjoni li karigi bħal dawk tal-Ombudsman u  tal-Kummissarju għall-istendards parlamentari jibqgħu vakanti għax xhur sħaħ.

SANZJONATI

Qatt ma stajt nifhem — u aktar ma jgħaddi ż-żmien, anqas u anqas — dal-metodu amministrattiv li għandna f’Malta dwar min jikser il-liġi billi jibni bla permess fejn u kif ma jistax jibni. Flok l-istat jgħidlu aqbad u neħħi f’qasir żmien kull ma għamilt! U ħallas multa tad-deni li għamilt inkella tispiċċa l-ħabs! …

  Le, ngħidulu: Ara, ħallas penali (li ħafna drabi tkun ċejċa għan-negozjanti involuti) u mhux talli kollox jinħafirlek, talli tista’ issa tgawdi u tinnegozja minn dak li għamilt.

Mhux bilfors li nħolqot industrija ta’ professjonisti li jagħtu pariri dwar kif dil-biċċa tista’ titwettaq? U jidher li hemm regolamenti ġodda ħierġa li se jkomplu jwessgħu l-użu ta’ dil-prattika ivvizzjata!

Imbagħad, jekk ħaddiem itella’ bla permess, gabuba fuq il-bejt fejn familtu tista’ taħsel il-ħwejjeġ, malajr jinġiegħel ineħħi kollox!

LULA LURA

Lula reġa’ lura fil-presidenza tal-Brażil. Mhux daqstant ilu kien il-ħabs, mibgħut hemm mill-qrati għax misjub ħati li kien korrott. L-istess qrati wara naddfuh minn dil-ħtija.

Xorta naħseb li l-biċċa trid tiġi ċċarata mill-bidu sal-aħħar. Lula veru kellu għal xhiex jirrispondi? Il-moviment ġudizzjarju li waħħlu l-ħabs… dak imlaqqam il-magna tal-ħasil… kien moviment serju jew maħsub bħala għodda politika?

Lil hinn minn dawn il-mistoqsijiet madankollu, l-elezzjoni ta’ Luis Inacio Lula da Silva bħala President tal-Brażil toffri sinjal ta’ tama. Se jkun hemm mill-ġdid fit-tmexxija xi ħadd li jimportah miż-żgħir u lest jieħu azzjoni effettiva biex jiddefendi l-interess tiegħu.

Fit-tmexxja se jkun hemm xi ħadd impenjat biex iħares iż-żona tal-Amazon mill-esplojtazzjoni li qed teqridha, b’konsegwenzi diżastrużi għalina lkoll.

Ekonomija

Sport