Wednesday, April 24, 2024

Imnedija l-pjattaforma onlajn “whyigaming”

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo indirizza t-tnedija ta’ pjattaforma onlajn “WhyiGaming” li permezz tagħha iGEN, in-Network Ewropew tal-iGaming se jkun qed jippromwovi karrieri fis-settur tal-iGaming f’Malta. L-inizjattiva hija mmexxija mit-22 kumpanija membru tal-iGEN, u għandha l-appoġġ u l-kollaborazzjoni ta’ GamingMalta.

F’diskors tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo rrimarka li l-investiment fir-riżors uman huwa pilastru ewlieni għal iżjed sostenn fl-industrija tal-iGaming. Huwa żied jgħid li “WhyiGaming” hija miżura oħra importanti li tikkumplimenta l-missjoni tal-Gvern li tinħoloq Malta Diġitali fis-snin li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif il-pjattaforma www.whyigaming.eu se tiftaħ il-bieb tal-opportunitajiet għar-residenti Maltin li huma interessati li jsegwu triq fis-settur tal-iGaming. “Li jkollna websajt li fiha aktar minn 250 impjieg vakanti minn 23 kumpanija differenti li joperaw f’Malta huwa tassew inkoraġġanti biex inżidu l-ħaddiema tagħna f’din l-industrija. Kuntent li din il-websajt għadha trid tikber iżjed peress li din se tinbena biex tinkludi iktar postijiet tax-xogħol, informazzjoni għal ċittadini barranin li qed ifittxu xogħol f’Malta u aħbarijiet dwar l-industrija relatata mal-karriera”, kompla s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo.

Enrico Bradamante, president tal-iGEN qal li Malta tibqa’ ċentru importanti fejn tidħol l-industrija tal-iGaming. “Il-viżjoni tagħna hija li nipprovdu qafas għal iżjed kumpaniji stabbiliti tal-iGaming biex jingħaqdu mal-komunità lokali, b’mod partikolari li nipprovdu għajnuna lil individwi li huma interessati jaħdmu fis-settur,” irrimarka s-Sur Bradamente.

Fir-rimarki konklużivi tiegħu huwa semma li l-professjonisti jistgħu jużaw il-websajt biex isiru jafu dwar il-membri tal-iGEN, ifittxu l-impjiegi vakanti u jsegwu iżjed mill-qrib l-esperjenzi ta’ impjegati Maltin u barranin li jaħdmu lokalment. Dan qed isir mhux biss sabiex jgħin kumpaniji jimlew l-irwoli kurrenti bħal dawk marbutin ma’ livell ta’ dħul, appoġġ għall-konsumatur, irwol fi skala finanzjarja u oħrajn maniġerjali jew eżekuttivi, iżda wkoll opportunitajiet futuri hekk kif is-sit se jkun aġġornat kontinwament. 

Minn naħa tiegħu, Ivan Filletti, l-Uffiċjal Kap Operattiv ta’ GamingMalta qal li dan il-portal jikkumplimenta l-missjoni ta’ Malta bħala Ċentru tal-Eċċellenza tal-Logħob. Fejn pajjiżna isostni industrija u ekosistema tal-iGaming li tippromwovi l-ugwaljanza u d-diversità fil-kultura tax-xogħol tagħhom. “WhyiGaming” se sservi bħala vetrina f’ħin reali għall-industrija u l-opportunitajiet eċċitanti li kapaċi toffri.

Sport