Dalgħodu tnieda uffiċjalment l-EDU Infrastructure Programme, proġett li permezz tiegħu l-Gvern huwa kommess li jimmodernizza u jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq aktar minn 100 skola fuq perjodu ta’ 13-il sena. Kull sena din l-inizjattiva se tiffinanzja 8 proġetti.
Għal dan il-programm ġew allokati €7 miljun f’fondi annwali li huma mifruxa fuq dawn it-8 proġetti fi skejjel differenti, kollha bi prijoritajiet differenti. Dawn il-proġetti kemm jista’ jkun se jippromwovu wkoll is-sostenibbiltà, billi jintegraw sistemi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u materjali ambjentalment sostenibbli.
“Dan huwa proġett ambizzjuż li permezz tiegħu se ninvestu dirett fl-edukaturi u l-istudenti, għaliex se nwettqu programm estensiv ta’ xogħol fl-ambjent edukattiv. Permezz tiegħu mhux biss se naraw li l-iskejjel tagħna jkollhom ambjent xieraq, kemm fuq ġewwa u wkoll fuq barra, imma se nkunu wkoll qed inħarsu l-benesseri tal-persuna. Din hija l-qofol tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, li tara li l-persuna tkun fiċ-ċentru,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt it-tnedija.
Il-Ministru Grima qal li f’dawn l-aħħar snin kien hemm investiment bla preċedent fejn tidħol l-infrastruttura edukattiva, b’investiment ta’ €152 miljun f’40 proġett mill-2013 ’l hawn. Kif tħabbar ukoll fil-Budget 2025, fejn tħabbar ukoll dan il-programm, din is-sena hemm ukoll diversi proġetti li se jkun għaddej ix-xogħol fuqhom, apparti l-programm ta’ manutenzjoni estensiv li jsir fil-vaganzi tas-sajf.
Huwa qal ukoll li wara l-inawgurazzjoni tal-Iskola Primarja tal-Imsida b’investiment ta’ €24 miljun, dalwaqt ikun inawgurat uffiċjalment ix-xogħol li sar fil-kumpless edukattiv tar-Rabat, Għawdex, investiment ieħor ta’ €18-il miljun fejn propju ftit tal-jiem ilu kien inawgurat l-ewwel childcare centre tal-istat f’Għawdex.
It-tnedija kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella li ta d-dettalji dwar kif se jsiru dawn il-proġetti. “Dan il-programm infrastrutturali fl-iskejjel huwa parti integrali mit-trasformazzjoni fis-settur edukattiv u l-Istrategija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, fejn il-ħaddiema tad-Direttorat tal-Loġistika u Infrastruttura fi ħdan il-Ministeru se jiffukaw fuq ir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta’ bini ta’ skejjel, proġetti maġġuri li jvarjaw minn rinnovazzjonijiet estensivi fuq ġewwa, kif ukoll aċċessibiltà aħjar fl-iskejjel u titjib fl-ispazji ta’ barra,” qal Matthew Vella.
Permezz tal-EDU Infrastructure Programme, se ssir ukoll modernizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, biex ikun inkoraġġit l-użu ta’ dawn l-ispazji għal varjetà ta’ attivitajiet ta’ tagħlim. B’hekk ukoll il-Ministeru jkun qed ipoġġi l-benesseri tal-istudenti u l-edukaturi fiċ-ċentru.
Il-Ministru Clifton Grima rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-id li kienu preżenti għat-tnedija għall-impenn u dedikazzjoni tagħhom. “Nassigurakom li x-xogħol tagħkom mhux biss huwa apprezzat minnha, imma wkoll mill-edukaturi u l-istudenti tagħna. Intom parti mill-viżjoni tal-Ministeru – dik li hija mniżżla ċara fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni – li nħarsu l-benesseri tal-persuna fis-settur,” temm jgħid il-Ministru Grima.