Saturday, December 21, 2024

Imniedi l-ktieb uffiċjali ta’ Special Olympics Invitational Games 2022, ‘Ilkoll Speċjali’

Aqra wkoll

Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, tnieda l-ktieb uffiċjali ta’ Special Olympics Invitational Games 2022 bl-isem ta’ ‘Ilkoll Speċjali’. Dan il-ktieb jiġbor fih siltiet u poeżiji minn tfal tal-iskejjel primarji kollha f’Malta u f’Għawdex li lkoll iwasslu messaġġ ta’ inklużjoni permezz tal-isport.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela fissret din il-pubblikazzjoni bħala ġabra ta’ siltiet li jixhdu l-kobor tal-valuri tal-imħabba, tar-rispett u tal-inklużjoni li nħaddnu bħala soċjetà. Qalet li, “Il-mument li s-soċjetà tagħna tagħraf is-sabiħ fid-differenzi ta’ bejnietna jkun mument fejn pajjiżna jħares lejn il-futur flimkien”.

Saħqet li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans li jipprattika xi sport, għaliex huwa permezz tal-isport li titgħallem taċċetta t-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja. Qalet li kemm il-kanzunetta uffiċjali ‘Going for Gold’ kif ukoll dan il-ktieb, huma ċelebrazzjoni tal-abbiltajiet ta’ kulħadd.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, l-Innovazzjoni u r-Riċerka Clifton Grima tkellem dwar ix-xogħol kbir li qed isir biex ftit tal-ġranet oħra pajjiżna jospita mijiet ta’ atleti minn madwar id-dinja għall-Ispecial Olympics. “Meta tara x-xogħol li sar mill-istudenti Maltin u Għawdxin, tinduna kemm għandna talent f’dan il-pajjiż”, qal il-Ministru Grima. Huwa faħħar lill-istudenti u qal li, “Il-kontribut li taw mal-200 tifel u tifla mill-iskejjel tagħna se jkun qed jitgawda mhux biss f’pajjiżna, imma wkoll se jinxtered mad-dinja kollha”.

Il-Ministru Grima qal li bl-istess mod li l-atleti li se jkunu qed jirrappreżentaw pajjiżna se jkunu l-ambaxxaturi ta’ Malta u ta’ Għawdex, l-istudenti li taw kontribut tax-xogħol li ġie ppubblikat fil-ktieb li tnieda, se jkunu wkoll l-ambaxxaturi ta’ pajjiżna. Il-ministru enfasizza li din tagħmilna kburin u turi wkoll kemm kapaċi naslu meta naħdmu lkoll flimkien. Huwa qal li jħares lejn l-Ispecial Olympics bħala tarġa li permezz tagħha jkollna legat tal-kapaċitajiet tagħna bħala poplu.

Min-naħa tiegħu, l-awtur u illustratur Trevor Zahra, li ttraduċa s-siltiet mill-Ingliż għall-Malti, spjega li dan il-ktieb għandu żewġ għanijiet. L-ewwel nett li jiċċelebra dan l-avveniment speċjali u t-tieni li jħeġġeġ il-ħila tal-kitba kreattiva tat-tfal. Saħaq li permezz ta’ dan il-ktieb qed naraw minn għajnejn it-tfal kemm l-isport jgħaqqad lil kulħadd.

Matul il-konferenza, it-tfal kollha li l-poeżiji u s-siltiet tagħhom intgħażlu biex ikunu parti minn dan il-ktieb, ingħataw midalja u kopja tal-ktieb. Tlett itfal ingħataw ukoll tifkira hekk kif ikkwalifikaw fit-tielet, fit-tieni u fl-ewwel post ta’ din il-kompetizzjoni. Dawn huma Jayden Borg bi ‘Stilel’, James Sciberras b’ ‘Bil-Ħila Tiegħi’ u Jamie Camilleri b’ ‘Ħija Julian’, rispettivament.

Il-ktieb se jkun qed jitqassam f’kull skola f’Malta u f’Għawdex u se jkun qed jingħata wkoll lill-atleti kollha li se jipparteċipaw fl-Ispecial Olympics Invitational Games 2022 li se jittellgħu f’pajjiżna bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju li ġej.

Ekonomija

Sport