Sunday, November 24, 2024

Imniedi l-logo uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Aqra wkoll

Il-Kumitat Olimpiku Malti flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Sport, Żagħ­żagh, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima,  żvela d-disinn tal-logo għal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa tal-2023, ftit inqas minn sena qabel ma jingħata bidu għal dan il-Logħob.

Maħluq mill-aġenzija lokali The Concept Stadium, il-logo huwa bbażat fuq ispiraz­zjoni meħuda minn disinji ta’ studenti, li kienu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċess f’kompetizzjoni mnedija f’Diċem­bru li għadda għat-tfal tal-iskola ta’ bejn l-10 u t-18-il sena.

Il-logo jgħaqqad iċ-ċrieki famużi Olim­piċi li mal-baħar, ħut u ikona Maltija riko­noxxuta minn ħafna – is-simbolu tal-għajn. L-għajn, matul is-snin tħallat f’diversi aspetti tal-kultura Maltija, mill-famuża Gardjola fl-Isla,  sad-dgħajjes Maltin imsejħa Luzzu kif ukoll integrata fil-moda lokali.

Il-kuluri taċ-ċrieki Olimpiċi ġew magħ­quda biex jenfasizzaw il-valuri ta’ Malta ta’ diversità u inklużjoni permezz tat-taħlit tal-kuluri differenti, u ħolqu kuluri u lwien ġodda meta jitħalltu ma’ xulxin.

“Nifraħ lill-istudenti kollha parteċipanti li għenu fl-ispirazzjoni tal-logo li qed inniedu llum”, awgura l-Ministru Grima. “Din kienet opportunità kbira għat-tfal tal-iskola tagħna biex jieħdu sehem fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-logħob, u l-kontribut tagħhom se jintwera b’mod wiesa’, biex jerġa’ jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali”, qal il-Ministru Grima.

“It-tnedija tal-lum hija tragward importanti ieħor li tressaqna eqreb lejn il-Logħob. Ninsabu soddisfatti ħafna nippreżentaw dan il-logo, li nemmnu li se jiġi rikonox­xut malajr u  ser ikun identifikat ma’ Malta hekk kif nersqu dejjem lejn il-Logħob,”   spjega Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-co-chairman tal-Kumitat Organizzattiv Lokali tal-Logħob, Mark Cutajar, feraħ lill-atleti li fi tmiem il-ġimgħa taw prestaz­zjoni eċċellenti f’diversi avvenimenti internazzjonali. Huwa kompla jispjega li l-avveniment tal-lum huwa ħolqa fil-katina ta’ avvenimenti li huma meħtieġa biex jospitaw il-Logħob f’Malta s-sena d-dieħla. 

Il-preparazzjoni għal-Logħob, teħtieġ sforz ugwali mill-atleti u mill-kumitat organizzattiv, biex jiggarantixxu avveniment ta’ suċċess u memorabbli. Mingħajr ma jinżamm il-bilanċ ugwali fuq iż-żewġ fronti, dan mhux se jkun possibbli.

Il-Logo mbagħad ġie mniedi mill-Ministru Grima u l-president tal-KOM,  is-Sur  Pace Bonello, wara spjegazzjoni qasira minn Jonathan Dalli, wieħed mill-fundaturi tal-aġenzija ta’ marketing The Concept Stadium.

Sport