Tuesday, May 14, 2024

“X’jiswa li nitkellmu fuq il-ħajja jekk niġu naqgħu u nqumu mill-ħajjin?”

Il-Ministru Byron Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għażilna li ma nikkundannawx. Minflok ressaqna abbozz ta’ liġi biex il-ħajja ta’ dawn il-persuni nagħmluha aħjar. Nagħżlu li nkunu ta’ sostenn għalihom. Għax bid-deċiżjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minna nistgħu ntejbu l-ħajja tan-nies.”

Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri f’diskors li għamel waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF fejn staqsa x’jiswa li nitkellmu fuq il-ħajja jekk niġu naqgħu u nqumu mill-ħajjin.

Huwa fakkar kif kien ġie mwiegħed li mal-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Laburista jitressqu l-emendi għal-liġi tal-IVF u hekk fil-fatt ġara. Min-naħa l-oħra huwa qal li s-soluzzjoni li tatna l-Oppożizzjoni f’dan il-Parlament kienet dik ta’ rassenjazzjoni. 

“Li tirrassenja ruħek u ma jkollokx tfal jew tissogra li ma jkollokx tfal b’riskju li jsofru kundizzjoni medika serja għall-kumplament ta’ ħajjithom jew agħar minn hekk Imma għaliex? Biex ma nagħmlux użu mix-xjenza,” qal il-Ministru Camilleri. 

Huwa qal li t-test ġenetiku fuq l-embrijuni qabel ma jkun trasferit fl-utru se jgħin biex mard u kundizzjonijiet bħal dik tal-huntington’s disease ma jibqgħu joħolqu biża’, inċertezza u tbatija bla bżonn fuq koppji u ulied. Qal li bid-deċiżjonijiet tagħna f’dan il-Parlament nistgħu nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ dawk li se jkollhom l-għażla li jagħmlu PGT-M.

“Dawn huma t-tip ta’ deċiżjonijiet li jeħtieġ nieħdu. Meta niġu biex niddeċiedu fuq dan l-abbozz ta’ liġi, b’dawn l-emendi li qed nipproponu biex inwettqu f’pajjiżna, irridu nerġgħu nuru lill-poplu kollu li t-tama terbaħ fuq il-qtigħ ta’ qalb. Irridu naħdmu sabiex dawk il-persuni li qed jitolbu minna li qed jiddeċiedu nagħtuhom futur isbaħ,” tenna jgħid il-Ministru Camilleri.

Sport