Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Programm tas-Sajf tal-Istudenti 2024, li permezz tiegħu se jiġi provdut staġun mimli tagħlim u esperjenzi edukattivi mill-isbaħ għal tfal u żgħażagħ li għandhom għal qalbhom wirt pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-programm ta’ din is-sena se jkun mifrux minn Lulju sa Settembru u se jkun qed joffri 19-il attività li jiffukaw fuq it-tema tal-baħar. “Dan il-programm qed iservi biex ikattar il-kuxjenza fost l-iżgħar ġenerazzjonijiet dwar l-importanza li jiġu mħarsa l-oċeani u l-ibħra tagħna,” spjega Dr Bonnici.
Huwa qal li l-avvenimenti fil-programm joffru esperjenza mill-isbaħ ta’ diversi suġġetti u siti storiċi, biex b’hekk l-istudenti kollha li jipparteċipaw jieħdu gost waqt li jisfruttaw bl-aqwa mod il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta dan is-sajf.
Vanessa Ciantar, l-Assistent Manager tat-Taqsima tal-Edukazzjoni u l-Outreach fi ħdan Heritage Malta, spjegat kif l-avvenimenti fil-programm huma mfassla biex joffru esplorazzjoni vibranti ta’ diversi suġġetti u siti storiċi, biex b’hekk jiżguraw esperjenza mill-isbaħ għall-istudenti kollha.
Kull attività se ssir f’ambjent sigur u kkontrollat, li jżomm mal-linji gwida kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà. Il-programm hu miftuħ għal dawk li għandhom il-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta, li jista’ jinkiseb b’xejn mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. L-ispazju għal kull attività hu limitat, u għalhekk il-ġenituri huma mħeġġa jaħsbu kmieni biex jaċċertaw post għal uliedhom.
Għal aktar tagħrif u dettalji dwar kull avveniment, żur: www.heritagemalta.mt/whats-on.