Monday, December 9, 2024

“Impenjat li nkun viċin in-nies biex intejbu l-kwalità tal-ħajja” – Oliver Scicluna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħala Membru Parlamentari impenjat li nkun viċin tan-nies, nifhem aktar x’iridu n-nies biex intejbu l-ħajja u l-kwalità tagħha. Jiena nwiegħed l-enerġija kollha tiegħi li nagħti servizz sfieq lill-pubbliku ta’ liema fehma politika hu, u anke jekk m’għandux waħda. Inwiegħed li nkun ta’ servizz għall-Partit Laburista u għal pajjiżna.”

Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, fl-ewwel diskors tiegħu f’attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun wara li l-Ġimgħa sar magħruf li huwa se jiġi co-opted fil-Parlament.

Huwa beda biex qal li għalih il-politika tfisser li tqiegħed lilek innifsek għas-servizz tal-komunità, għas-servizz tan-nies li ngħixu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. “Għalija li ġej minn familja Laburista mill-Kottonera, il-politika kienet dejjem mezz ta’ kif ittejjeb il-ħajja ta’ ħaddieħor.”

Huwa qal li kien attiv fil-qasam tal-arti permezz tal-hip-hop u l-qasam tad-diżabilità. F’dan tal-aħħar huwa beda f’NGO bħala attivist u kompla bħala l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

“L-irwol istituzzjonali li kelli inħoss li qdejtu bl-istess passjoni ta’ meta kont naħdem fl-NGOs u hekk irrid inkompli u tkun l-intenzjoni tiegħi bħala Membru Parlamentari,” qal Scicluna. 

Huwa tenna wkoll li ninsabu fi żmien ta’ sfida minħabba l-pandemija u għandna nimmiraw li noħorġu minn dan l-għawġ aħjar milli tħalna fih. “Inkunu aħjar jekk niftakru fis-solidarjetà li ġabet magħha din l-marda, kemm ġirien li wasslu x-xirjiet lil min ma setax joħroġ minn daru, kemm employers li adottaw sistemi ta’ xogħol flessibbli u kemm ħaddiema ħadmu bit-teleworking.”

Huwa qal ukoll li rridu ninsew l-għira, il-pika, is-sefsif, is-suspetti u l-egoiżmu. Finalment huwa rringrazzja lil martu li minbarra imħabba u għożża tatu żewġ ulied, lil Dr Gavin Gulia li kien fost l-aktar nies li għamlulu kuraġġ u laqgħu fil-familja Laburista, u lill-Prim Ministru Robert Abela tal-fiduċja li wera fih u wegħdu ħidma sfiqa u onesta. 

Ekonomija

Sport