Il-konferenza annwali Out@Work, organizzata mill-Allied Rainbow Community (ARC) b’kollaborazzjoni mal-General Workers’ Union (GWU), hija espressjoni ċara tal-impenn kontinwu lejn il-komunità LGBTIQ+, kif stipulat fil-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat erba’ snin ilu.
F’kummenti ma’ L-Orizzont, Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU, qal:
“Dan jirrifletti l-politika tagħna ta’ ugwaljanza li daħlet fis-seħħ fl-2018. Irridu nkomplu nsaħħu l-impenn tagħna biex il-postijiet tax-xogħol ikunu ambjenti siguri, inklussivi u rispettati, fejn il-ħaddiema ikunu aċċettat irrispettivament mill-identità tagħhom.”
It-tielet edizzjoni tal-konferenza Out@Work, li saret il-bieraħ fil-bini tal-GWU fil-Belt Valletta, iffokat fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ+ fuq il-postijiet tax-xogħol. Bondin enfasizza li għad hemm sfidi reali li din il-komunità qed taffaċċja, fosthom nuqqas ta’ aċċettazzjoni minn kollegi u min iħaddem.
“Jista’ jkun hemm każi fejn ħaddiema oħra ma jilqgħux lil din il-komunità – bħalma ma jistidnuhomx għal kafè jew jagħtuhom ‘pariri’ dwar kif għandhom jitkellmu jew jilbsu sabiex ikunu bħal ħaddieħor. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jħallu impatt negattiv fuq l-individwu, saħansitra jwasslu għar-riżenja,” żied jgħid Bondin.
Huwa saħaq li konferenzi bħal dawn huma kruċjali biex titkompla l-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar ir-rispett u t-tolleranza fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali.
Ryan Portelli, kelliem ieħor waqt il-konferenza, tkellem dwar il-ħolqien ta’ kulturi ta’ appartenenza, fejn il-pilastri ewlenin huma s-sigurtà psikoloġika, tmexxija viżibbli, appoġġ mill-kollegi u lingwaġġ inklussiv.
“L-appartenenza hija l-istat emozzjonali u psikoloġiku fejn persuna tħoss li hi sigura, aċċettata u milqugħa fuq il-post tax-xogħol – fejn tista’ tkun int innifsek mingħajr ma tiċċensura l-identità tiegħek.”
Joyce CoomberSewell, illum ta’ 70 sena, qasmet l-esperjenza personali tagħha bħala persuna bisesswali. Hija rrakkontat kif għal snin twal kellha taħbi l-identità tagħha, sa ma ltaqgħet ma’ mara fuq il-post tax-xogħol u llum il-ġurnata huma miżżewġin għal 14-il sena.
“In-nies jinbidlu maż-żmien, iżda l-persuni LGBTIQ+ għandhom ikunu b’saħħithom u jissapportjaw lil xulxin,” temmet tgħid.
Matul il-konferenza saru diversi interventi, fosthom minn Maria Azzopardi f’isem l-ARC, li tkellmet dwar il-kisbiet li saru f’dan il-qasam u l-isfidi li għadhom jeżistu. Parteċipanti oħra qasmu l-esperjenzi tagħhom fuq il-post tax-xogħol u ddiskutew fejn il-kumpaniji qed jaħdmu tajjeb u fejn hemm lok għal titjib.