Wednesday, July 24, 2024

“Impenn li nkompli nħares l-interessi tal-anzjani”

-Il-Kummissarju ġdid għall-Anzjani Dr Alexander Attard

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Alexander Attard qed jieħu rwol pro-attiv fil-kariga ġdida tiegħu sabiex jara li jiġu indirizzati diversi sitwazzjonijiet fid-djar tal-anzjani u jekk hemmx lok li titjieb is-sitwazzjoni preżenti. Huwa tenna wkoll l-impenn tiegħu li jkompli jħares l-interessi tal-anzjani.

Fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit, Dr Attard beda billi rringrazzja lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela tal-fiduċja li wera fih biex jokkupa din il-kariga. Huwa sostna li bħalissa qed iżomm ruħu aġġornat fuq diversi suġġetti li huma ta’ interess partikolari għall-anzjani.

Huwa tkellem ukoll dwar l-anzjani li qed jgħixu fil-komunità, li dawn qed ifittxu li jibqgħu attivi u jeżerċitaw l-abbiltajiet tagħhom f’oqsma differenti. Qal li rridu naċċettaw il-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-persentaġġ tal-anzjani fil-komunità se tiżdied.

F’dan il-kuntest, huwa qal li waħda mill-affarijiet li jinkwetawh hija l-moviment tagħna lejn id-dinja tat-teknoloġija, peress li hemm anzjani li ma jafux jużaw il-mezzi elettroniċi. Qal li rridu naraw kif nipprovaw nedukawhom sabiex jużaw dawn is-servizzi jew inkella nkunu ta’ appoġġ għalihom fil-komunità waqt il-qadi tagħhom ta’ kuljum.

Huwa kompla billi nnota l-isforzi li qed isiru biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u qal li rridu nkomplu mexjin f’din id-direzzjoni. “Fil-komunità fost l-anzjani rridu wkoll nindirrizzaw waħda mill-akbar problemi – is-solitudni – flimkien mal-problema dejjem tikber tal-kundizzjoni tad-dimensja.”

Ekonomija

Sport