Friday, May 3, 2024

L-ostaġġi tal-Ħamas

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Meta fis-7 ta’ Ottubru li għadda, il-Ħamas għamlu l-attakki tagħhom bil-missili fuq Iżrael, attakki li waslu għar-ritaljazzjoni militari minn Iżrael, il-Ħamas kienu ħatfu madwar 240 persuna minn diversi żoni li kienu attakkaw permezz ta’ milizzji minn tagħhom.

Negozjati u ħelsien

Fl-aħħar jiem ta’ Novembru li għadau kif spiċċa, il-Ħamas u l-Iżrael ftehmu li jwaqqfu l-ġlied għal periodu ta’ sitt ijiem. F’dawn il-jiem, iż-żewġ naħat ftehmu li l-Ħamas għandu jeħles 78 ostaġġ. Però, min-naħa tiegħu, Iżrael kellu jbaxxi rasu u jumilja ruħu bil-ħelsien ta’ madwar 180 priġunier Palestinjan minn diversi ħabsijiet madwar Iżrael.

Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn it-78 ostaġġ huma nisa u tfal Lhud. Qabel dawn, il-Ħamas diġà kien ħeles ħamest irġiel Lhud u ftit jiem wara l-ħelsien tat-78 ostaġġ, il-Ħamas ta l-ħelsien lil raġel u żewġ nisa oħra li t-tlieta li huma għandhom kemm iċ-ċittadinanza Russa u kemm dik Iżraelita.

Permezz ta’ serje ta’ negozjati oħra, din id-darba bejn l-istess Ħamas u l-gvern Tajlandiż, il-Ħamas aċċetta li jeħles 24 ostaġġ ieħor, li 23 minnhom kienu appuntu Tajlandiżi u l-ieħor huwa ta’ nazzjonalità Filippina.

B’hekk sa issa, inħelsu 110 ostaġġi mill-Ħamas. Ħafna mill-ostaġġi meħlusa huma tflajliet Lhud li kienu nħatfu mill-Ħamas minn festival mużikali bl-isem ta’ Supernova li dakinhar tal-attakk kien qiegħed isir qrib il-konfini mal-istrixxa ta’ Gaża.

Interessanti wkoll li ħafna ostaġġi oħra inħatfu minn diversi rħula differenti qrib l-istrixxa ta’ Gaza magħrufa bħala Kibbutz. Dan juri kemm il-milizzji tal-Ħamas kienu kbar fin-numru sabiex setgħu jattakkaw numru kbir ta’ kibbutz.

Trawma mingħajr tmiem

Minkejja li dawn l-ostaġġi issa nħelsu, għal ħafna minnhom it-trawma għadha ma ġietx fi tmiemha. Pereżempju, fil-każ ta’ Aisha Zyadna, ostaġġa ta’ 16-il sena li ġiet mehlusa flimkien ma’ ħuha Bilal ta’ 18-il sena, għad għandha lil missierha u lil ħuha l-ieħor Hamza li għadhom ostaġġi. L-istess jista’ jingħad għal Ilana Gritzewsky ta’ 30 sena li minkejja li hija ġiet meħlusa, is-sieħeb tagħha Matan Zanguaker għadu ostaġġ tal-Ħamas.

Dan biex ma nsemmux il-każi ta’ xi ostaġġi li nħelsu bhal Ofir Engel li ħalla warajh fiċ-ċelel tal-Ħamas lill-kunjatu tiegħu Yuval u lil ħu l-kunjatu Eli, li qabel inħataf ra lil martu u liż-żewġt ibniet tiegħu jinqatlu mill-Ħamas. Ostaġġa oħra, Fali Tarshansky ta 13-il sena biss, minkejja li issa nħelset, mhijiex sejra ssib lil ħuha Lior id-dar għaliex dan inqatel fl-attakk tal-Ħamas.

Familji sħaħ li ġew maħtufa mill-Ħamas, bħal pereżempju l-familja Leimberg, li hija magħmula minn Lhud li oriġinaw mill-Argentina, bil-ħelsien ta’ xi membri minn tagħha ġew mifruda minn xulxin għaliex inżammu xi membri minn tagħhom ostaġġi. Ma’ dawn li semmejna hemm ħafna każi oħra ta’ qsim il-qalb għall-ostaġġi meħlusa.

Aħbarijiet ħziena

Għall-familji li għad għandhom membri minn tagħhom li għadhom qegħdin jinżammu bħala ostaġġi, minkejja t-taqtigħ il-qalb, għallinqas għad baqgħalhom it-tama li forsi xi darba jaraw lill-għeżież tagħhom qawwijin u sħaħ.

Għall-familja ta Dror Kaplun, li kien maħsub li huwa wieħed mill-138 ostaġġ li għadhom mizmuma mill-Ħamas, din it-tama ġiet fi tmiemha għaliex għadu kemm ġie stabbilit li Kaplun kien inqatel fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru.

Qiegħed jingħad li numru ta’ ostaġġi mietu fiċ-ċelel tal-Ħamas. Sa issa ssemmew 7 persuni li mietu meta kienu ostaġġi. Tnejn minnhom kellhom biss fuq l-għoxrin. Hemm l-għajdut li mietet ukoll ċerta Shiri Bibas ta’ madwar 32 sena flimkien maż-żewġt itfal żgħar tagħha.

L-ostaġġi li għadhom miżmuma

L-ostaġġi li għadhom miżmuma gejjin minn kull sfera tas-soċjetà Iżraelita. Hemm ukoll xi ċittadini barranin li ħafna minnhom kienu qegħdin ġewwa Iżrael bhala studenti, bħalma huwa l-każ ta’ Bipin Joshi, student universitarju Nepaliż ta’ 23 sena, li kien ġewwa Iżrael sabiex jistudja l-agrikoltura flimkien ma’ 48 student ieħor.

Qiegħed jingħad li għaxra minn dawn l-istudenti inqatlu fl-attakk tal-Ħamas. Hemm ukoll il-każ ta’ Omer Neutra, cittadin Amerikan ta 22-il sena, li b’rispett lejn nannuh li kien salva mill-olokawst tan-Nazi, kien iddeċieda li jmur jgħix ġewwa Iżrael.

Ma’ dawn hemm ħafna żgħażagħ li ġew maħtufa mill-festival li semmejna aktar ‘il fuq. Ma dawn, hemm numru mdaqqas ta’ anzjani li nħatfu mill-Kibbutz, uħud minnhom għandhom fuq is-sebgħin u t-tmenin sena fosthom Alex Danzig, ta 75 sena, personalità magħrufa sew ġewwa Iżrael minħabba li huwa skular fuq l-Olokawst.

Minkejja li l-midja internazzjonali qiegħda tippubblika diversi artikli minn esperti tal-politika ta’ dan ir-reġjun li qegħdin jgħidu li hemm ottimiżmu ġdid rigward dawn l-ostaġġi, fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-povri huma biċċa għodda indispensabbli ghall-Ħamas sabiex jumiljaw lill-gvern Iżraeljan u jkollu jċedi għat-talbiet li mingħajr l-ostaġġi lanqas biss joħlom li jikkunsidra. Għalhekk, il-ħelsien tagħhom huwa altru minn ovvju.

Sport