Monday, May 6, 2024

Transparency International tara ftit li xejn kien hemm progress fl-għanijiet preżentati minn Metsola

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sena wara, u kultura ta’ impunità tibqa’ fil-Parlament Ewropew. B’riforma mill-għeruq tar-regoli tal-etika tagħha biss tipprevjeni aktar skandli. Iżda l-Membri tal-Parlament Ewropew jista’ jkun li jkollhom jistennew sakemm ifaqqa’ l-iskandlu li jmiss biex jiskopru dan.”

Iddikjarat dan Transparency International f’analiżi pubblikata minnha sena minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Qatargate li heżżeż il-Parlament Ewropew. Minn naħa tagħha Transparency International qalet li mhux biss ir-riformi mwiegħda ma sarux, iżda saħansitra kien hemm tnaqqis fis-saħħa ta’ regoli eżistenti.

L-analiżi teknika ta’ Transparency International, uriet li l-wegħdi tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu ma kien għajr xejn kliem sabiħ. “Minkejja bosta drabi li fihom il-Parlament Ewropew qal li l-Membri Parlamentari setgħu vvutaw għal riforma sinifikanti billi jappoġġaw emendi ambizzjużi f’votazzjoni dwar bidliet fir-regoli interni tagħhom stess, Qatargate jibqa’ korp leġiżlattiv demokratiku b’sistema etika dgħajfa”, ikompli jgħid ir-rapport.

Dwar it-triq ’il quddiem skont l-istess analiżi hija li l-Membri Parlamentari Ewropej issa jiġu fdati li jissottomettu rwieħhom għal standards ogħla mir-regoli li vvutaw biex jibdlu, anke jekk l-esperjenza tal-passat tissuġġerixxi li ma jistgħux jagħmlu dan. Għalhekk tindika li hemm għażla oħra li l-gruppi politiċi li jappartjenu għalihom il-Membri Parlamentari Ewropej għandhom l-opportunità li jirriformaw ir-regoli interni tagħhom stess, u jipprovdu lill-membri tagħhom b’kontrolli aktar b’saħħithom fuq l-imġiba.

Fit-13 ta’ Diċembru li għadda, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili kienet tneħħiet minn din il-kariga wara vot unanimu fl-istess Parlament. Fil-fatt kienu 625 membru li vvotaw biex Kaili titneħħa mill-kariga, membru wieħed li vvota kontra u żewġ membri li astjenew.

Il-Membru Parlamentari Griega spiċċat akkużata b’ħasil ta’ flus u korruzzjoni li fih hemm involut il-Qatar. Hija kienet ġiet akkużata mill-pulizija Belġjana flimkien ma’ tlieta oħrajn wara li fid-djar tagħhom instabu ammonti kbar ta’ flus kontanti.
Fl-istess jiem ġew żvelati wkoll dawk li setgħu kienu konverżazzjonijiet bejn Kaili u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn fuq l-aġenda kien hemm il-kwistjoni tal-visa għaċ-ċittadini tal-Qatar biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea.

Minbarra rapporti b’diversi spekulazzjonijiet dwar ir-relazzjoni bejn it-tnejn, saħansitra jeżistu rapporti li Kaili saħansitra ħassret diversi partijiet minn konverżazzjoni bejn it-tnejn rigward l-eżenzjoni tal-Visa. Filwaqt li għaddejjin investigazzjonijiet dwar din il-konverżazzjoni, kelliema għal Metsola qegħdin jgħidu li l-President tal-Parlament Ewropew ma laħqitx rat il-kontenut tal-messaġġi qabel tħassru, filwaqt li Kaili qalet li għaliha kienet prattika normali li tħassar messaġġi f’konverżazzjonijiet

Filwaqt li għamlet referenza għal ħidma minima biex jitwettqu l-14-il għan ta’ titjib, il-President tal-Parlament Ewropew kienet wegħdet li tipprjobixxi gruppi Parlamentari li jistgħu jwasslu biex Membri Parlamentari Ewropej ikollhom konnessjoni ma’ pajjiżi terzi, iżda dan ma seħħx.

Barra minn hekk l-analiżi tgħid ukoll li l-MEPs għandhom jistgħu jagħmlu attivitajiet bi ħlas jew mingħajr ħlas barra mill-mandat tagħhom. Issemmi wkoll kif ma kien hemm l-ebda ċaqliqa fejn tidħol il-protezzjoni tal-whistleblowers fl-istituzzjoni Ewropea u saħansitra staqsew jekk setax kien hemm assistenti jew staff ieħor li seta’ ġibed l-attenzjoni rigward imġiba suspettuża qabel faqqa’ l-iskandlu iżda beżgħu jagħmlu dawn minħabba protezzjoni dgħajfa.

Sport