Wednesday, July 24, 2024

Każijiet ta’ ħtif ta’ minuri fejn ma jkunx hemmx soluzzjonijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien, sfortunatament, nisimgħu b’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri li fin-natura tiegħu huwa ta’ għadab u wġigħ kbir għall-ġenitur li jiġi mċaħħad mill-wild tiegħu u huwa wkoll ta’ inkwiet għall-pajjiż li minnu jinħareġ l-istess minuri.

Sakemm il-pajjiż li jittieħdu fihom dawn it-tfal huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Hague, il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-problema hija meta dawn it-tfal jittieħdu f’pajjiż li mhuwiex signatarju ta’ din il-Konvenzjoni.

Fil-fatt, każijiet fejn tfal jinħatfu u jittieħdu f’pajjiżi simili fosthom il-Libja, iċ-Ċina u n-Niġerja, sfortunatament il-proċedura tar-ritorn, jekk issir, hija waħda ferm aktar kumplessa u ta’ taqtigħ il-qalb.

Fir-rigward tkellimna mal-avukata Carina Nagaih li min-naħa tagħha pprovat titfa’ aktar dawl dwar ċirkostanzi kritiċi bħal dawn fejn omm jew missier jispiċċaw b’qalbhom maqsuma u moħħhom iberren bla waqfien biex jaraw kif se jġibu lil uliedhom lura d-dar.

Strument li jirregola koperazzjoni bejn il-pajjiżi

“Il-Konvenzjoni tal-Aja u b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru tal-1980 ”The Hague Convention on the Civil Aspects of International Child Abduction” hija strument li jirregola koperazzjoni bejn il-pajjiżi li huma membri tal-istess Konvenzjoni. Dan biex minuri li jkunu ġew maħtufa minn ġenitur wieħed u jkunu qegħdin jiġu miżmuma b’mod illegali f’pajjiż ieħor, jiġu ritornati lura b’mod spedit u effiċjenti, f’dak il-pajjiż li fih il-minuri għandhom ir-residenza abitwali tagħhom,” spjegat Dott. Nagaih.

Din l-avukata qaltilna li Malta hija firmatarja ta’ din il-Konvenzjoni u allura, l-effetti legali ta’ tali Konvenzjoni japplikaw għal Malta. Għaldaqstant, kull pajjiż li huwa membru tal-Konvenzjoni jappunta uffiċċju biex jassisti individwi fl-applikazzjoni ta’ tali Konvenzjoni.

Spjegat kif, “fil-każ ta’ pajjiżna, Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali hija l-korp kompetenti għat-tħaddim u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Għalhekk, fi kliem sempliċi, dan ifisser li ġenitur f’Malta, li ibnu jew bintu ġew meħuda b’mod illegali jew qegħdin ikunu miżmuma b’mod illegali f’pajjiż ieħor mill-ġenitur l-ieħor u dana meta ir-residenza abitwali tal-wild kien f’Malta, jagħmel kuntatt mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tramite l-avukat tal-fiduċja tiegħu biex ibnu jew bintu, jiġi ritornat lura f’Malta.

L-awtorità f’Malta tieħu ħsieb li tikkomunika mal-awtorità barranija biex l-awtorità li tinsab fil-pajjiż barrani tistwixxi proċeduri fil-Qrati tal-pajjiż esteru biex ikun hemm ir-ritorn tal-minuri”.

Il-Konvenzjoni toffri għodda importanti

Dott. Nagaih qalet li l-effetti u l-applikabilità tal-Kovenzjoni japplikaw biss għall-pajjiżi membri ta’ tali Konvenzjoni. “Għalhekk”, kompliet l-avukata, “f’każ li minuri se jittieħed jew jinżamm minn ġenitur f’pajjiż li mhuwiex membru tal-Konvenzjoni, il-ġenitur l-ieħor ma jistax juża l-għodda legali li toffri din il-Konvenzjoni.

Dan ma jfissirx li mhemmx soluzzjonijiet. Iżda, filwaqt li fir-rigward f’każ ta’ applikabilità tal-Konvenzjoni tkun l-awtorità kompetenti li tistitwixxi proċeduri fil-Qorti barranija u l-istat membru huwa obbligat li f’każ li l-kondizzjonijiet tal-Konvenzjoni huma sodisfatti jordna r-ritorn, meta ma hemmx l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, irrid ikun il-ġenitur li jistitwixxi proċeduri ġudizzjarji fil-Qorti barra minn xtutna”.

Għalhekk, per eżempju, f’każ ta’ safar ta’ minuri, din l-avukata bi snin ta’ esperjenza tagħti l-parir li jkun tajjeb li ġenitur ikun informat minn qabel jekk il-pajjiż ta’ destinazzjoni huwiex firmatarju jew le ta’ din il-Konvenzjoni.

“Dan biex, fejn huwa possibbli, kull deċiżjoni fir-rigward ta’ safar tal-minuri tkun dejjem deċiżjoni infurmata,” temmet Dott. Carina Nagaih.

Ekonomija

Sport