Thursday, March 20, 2025

Importanti li dejjem tagħtu il-100% tagħkom, turu rispett, u l-aktar importanti, tieħdu pjaċir tilagħbu – Matthew Naudi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Ovvjament, il-papa tiegħi kellu influenza kbira fuq in-namra tieghi lejn il-futbol. Meta kont zghir, billi kien il-president tal-Melita, kien jeħduni miegħu nara lill-Melita jilagħbu il-grawnd tax-Shreiber dak iż-żmien. U kont nieħu gost nisma’ li hu u lis-Sur Gann Bencini, li kien il fundatur tal-klabb tal-Melita, jiddiskutu fuq il-klabb u nara l-plejers ta’ dak iż-żmien jissieltu fuq iż-żrar għal kull ballun.

Influenza oħra kbira fuqi kien iż-żmien li qattajt iċ-Ċentru Sportiv immexxi minn Fr Hilary dak iż-żmien, li kien l-akkademja tat-timijiet nazzjonali ta Malta, fejn t’ghallimt ħafna mhux rigward futbol biss, imma rigward valuri wkoll.

Ukoll l-iskola fejn kont immur, De La Salle College, kienu jagħtu importanza kbira lejn l-isport. 

Dawn kollha kellhom impatt pożittiv fuqi.

Iddeskrivi rrwol tiegħek bħala president ta’ Melita FC.

President ta’ klabb, speċjament klabb ta’ tim fil-Malta Premier, iġib miegħu responsabbilitajiet kbar. Fl-opinjoni tiegħi dawk ir-responsabbilitajiet jirduppjaw meta dak il-klabb huwa l-Melita, minħabba l-filosofija unika ta’ dan il-klabb, fejn nemmnu bis-sħiħ fl-iżvilupp kalcistiku u karatterjali tal-plejers żgħażagħ tagħna, b’valuri sodi ta’ onestá u integritá.

Bħala rwol, avolja trid tmidd idejk f’kollox, importanti li nara li l-klabb l-ewwel u qabel kollox jagħraf il-limitazzjonijiet li għandu u juża r-riżorsi disponibbli biex jiġu mfassla l-istrateġija u d-direzzjoni fejn irridu nieħdu lill-klabb u nassiguraw li kulħadd jiġbed l-istess ħabel biex il-miri jintlaħqu.

Xtikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Minn hawn l-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-plejers kollha, kowċis, kumitat, volontiera u dawk in-nies kollha li għandhom dan il-klabb għal qalbhom, għax-xoghol li qed jagħmlu u li grazzi għalihom kollha, it-tim tal-Melita qed jissorprendi lill kullhadd fil- Malta Premier.

Naħseb li qed nagħmlu biċċa xogħol kbira, u li qed nagħtu eżempju li anke klabb bħal Melita, bir-restrizzjonijiet tagħna u bil-filosofija li nħaddnu, nistgħu nilħqu l-miri tagħna.

Naħseb li l-għaqda u l-qlubija tal-plejers u tal-kowċis, huma fattur li żgur qed jgħinna din is-sena.

Xinhuma ttragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Kif kont ngħid fil-bidu tal-istaġun, it-tragward prinċipali tagħna huwa li jirnexxielna nibqgħu fil-Malta Premier għall-istaġun li jmiss. Nemmen fl-iskwadra u nemmen fil-kowċis li dan it-tragward nistgħu tabilħaqq nilħquh.

Xtikkummenta fuq il-kowċ, Clive Mizzi?

Clive Mizzi huwa bniedem speċjali ħafna kemm bħala persuna kif ukoll għall-klabb tal-Melita. Huwa bniedem umli ħafna u bir-riżorsi limitati tal-klabb, qatt ma jaqta’ qalbu u kull sfida jdawwarha f’opportunitá. Ovvjament is-success tal-aħħar sena u s-suċċessi s’issa dan l-istaġun, għandu ħafna meritu fihom.

Fi żmien qasir ħafna Clive irnexxielu jgħaqqad tim kompetittiv u l-pożittivitá tiegħu għenet biex il-plejers żgħar speċjalment jemmnu iktar fihom infushom.

Minn hawn nixtieq nirringrazzjah għal kulma qiegħed jagħmel għal dan il-klabb.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Hemm ħafna li qed isir bħalissa, imma ovvjament hemm ħafna iżjed li jrid isir biex il-livell tal-futbol  Malti jibda jħabbatha mal-livell ta’ ħafna pajjiżi oħra, anke ta’ daqs tagħna.

Għalkemm bħala kollettiv il-livell qed jogħla, qed jogħla bilmod ħafna, u nħoss li xi kultant qed naqdfu fil-vojt. 

Naħseb li għandna naħdmu ħafna iktar fuq l-iżvilupp ta’ plejers Maltin, l-ingaġġ ta’ plejers barranin, kontinwitá minn sena għal sena, is-sostenibbiltá tal-klabbs, iktar professjonaliżmu kif immexxu l-klabbs, u li kulħadd jiġbed l-istess ħabel għall-avvanz tal-futbol Malti inġenerali.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Hawnhekk ukoll għadna lura ħafna, anke jekk sar ħafna fil-pożittiv din is-sena. Naf li l-MPL qed taħdem ħafna biex ittejjeb l-esperjenza tal-logħba, iżda hemm ħafna iżjed xi jrid isir.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

L-ewwelnett lil dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Melita ngħidilhom li mhux qed jingħaqdu ma’ tim biss – imma qed isiru parti minn tradizzjoni kbira mibnija fuq passjoni, team work, dedikazzjoni u valuri sodi.

Il-futbol jgħin mhux biss fl-iżvilupp tal-ħiliet, iżda jgħin ukoll bien jinbnew ħbiberiji li se jdumu għal dejjem, kemm jekk il-ħolma tiegħek hi li tilgħab professjonalment jew sempliċiment li ttejjeb u tieħu pjaċir. Il-futbol mhuwiex biss dwar ir-rebħ; huwa dwar id-dixxiplina, ir-rispett, u l-imħabba għall-isport.

Importanti li dejjem tagħtu l-100% tagħkom, turu rispett, u l-aktar importanti, tieħdu pjaċir tilagħbu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport