“Dan il-premju niddedikah lill-ħaddiema u l-istaff kollu tagħna. Trid tkun motivat biex tagħmel dan it-tip ta’ xogħol għax trid taħdem ma’ nies vulnerabbli u li għandhom bżonn ħafna appoġġ. Bħala Kap irrid mhux biss inkun maniġer u leader tajjeb imma anke nkun ta’ spalla għall-isfidi li jista’ jkollna filwaqt li mmexxi bl-eżempju.”
Stqarr dan il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele f’intervista li kellu ma’ dan is-sit wara li ġie rikonoxxut bħala l-Maniġer/Kap tas-Sena waqt iċ-ċerimonja li saret il-ġimgħa li għaddiet, tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena.
Dr Degabriele spjega li b’kollox huma joffru aktar minn 28 servizz, inkluż dawk fid-djar tal-anzjani u anke fil-komunità. Qal li l-għan tagħhom huwa li kemm jista’ jkun jaraw li l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità minħabba l-kontribut li jkunu jixtiequ jagħtu fis-soċjetà.
“L-agħar ħaġa hi li jkollok anzjan li jitlef il-motivazzjoni u jintelaq. Hemm tara deterjorament kemm fl-aspett fiżiku u dak ta’ saħħa mentali. Dak huwa l-aspett li rridu nieħdu ħsieb, li nżommuhom attivi,” enfasizza l-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità.
Huwa rrikonoxxa li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-popolazzjoni se tkompli tixjieħ u dan minnu nnifsu jġib ċertu sfidi. F’dan ir-rigward, huwa rrimarka kif is-servizzi li joffru huma ħolistiċi u varji li jkopru dawk relatati ma’ trasport, servizzi mediċi, tagħlim għal tul il-ħajja kif ukoll ċentri ta’ matul il-jum.
B’dan kollu, kompla jgħid Dr Degabriele, inkunu nistgħu nappoġġjaw l-anzjani sabiex jibqgħu jgħixu fil-komunità. Tkellem ukoll dwar l-aspetti interġenerazzjonali u l-ħtieġa li nneħħu dak li sejjaħlu bħala t-taboo u l-preġudizzji minħabba d-differenza fl-età.
Dan qed isir billi qegħdin ilaqqgħu tfal u żgħażagħ mal-anzjani sabiex dawn tal-aħħar jgħaddulhom l-esperjenzi tagħhom u min-naħa l-oħra l-anzjani jkunu jifhmu aħjar dwar ċertu teknoloġiji ġodda li qed jintużaw miż-żgħażagħ.
Mistoqsi dwar x’għandhom ippjanat għas-sena d-dieħla, Dr Degabriele qal li se jkunu qed jiffukaw ħafna biex ikomplu jespandu aktar is-servizzi mediċi li joffru fil-komunità filwaqt li qed jaħdmu biex jinfetħu aktar ċentri ta’ matul il-jum.
“Qed naraw li nżidu aktar ċentri ta’ matul il-jum b’rabta mad-dimensja u se naħdmu biex tkompli tiżdied il-kura fil-komunità. Dan filwaqt li se nixtru aktar apparat biex nagħmlu monitoraġġ tal-anzjani li jirrikjedu l-kura u li jkunu introdotti mediċini ġodda għall-anzjani tagħna fuq il-formularju tal-Gvern,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità.
Sadanittant, fost dawk li ġew rikonoxxuti fil-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena kien hemm ukoll id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità li ngħata l-Premju Tim tas-Sena.