Thursday, December 19, 2024

Imut Colin Powell… l-ewwel Segretarju tal-Istat Amerikan b’karnaġġjon skura

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ħarġet l-aħbar li Colin Powell miet fl-età ta’ 84 sena minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid-19 waqt li kien qiegħed jieħu kura għal kanċer. Dan il-persunaġġ magħruf fix-xena politika għar-rwol tiegħu bħala l-ewwel Segretarju tal-Istat Amerikan b’karnaġġjun skura, kien parti minn amministrazzjonijiet Repubblikani li bidlu l-politika barranija tal-Istati Uniti.

“Tlifna raġel, missier, nannu u ċittadin Amerikan ta’ qalb kbira u maħbub ħafna”

IL-FAMILJA TA’ COLIN POWELL, EKS SEGRETARJU TAL-ISTAT AMERIKAN

Il-familja ta’ Powell għarrfu lill-pubbliku bit-telfa tagħhom permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali fejn kitbu, ‘il-Ġeneral Colin L. Powell, eks Segretarju tal-Istat u Chairman tal-Joint Chiefs of Staff, miet minħabba komplikazzjonjiet tal-Covid-19’. Huma kitbu wkoll li Powell kien ħa ż-żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Coronavirus.

Jingħad li Powell kien marid b’kanċer fiċ-ċelloli u konsegwenza ta’ dan l-immunità tiegħu kienet attakkata u għaldaqstant, dgħajfa ħafna. Huwa rrapportat li barra minnhekk, l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan kien ibati mill-marda ta’ Parkinson. Peggy Cifirno, kollega għal ħafna snin ta’ Powell, tat id-dettalji dwar saħtu waqt intervista mas-CNN fejn żiedet tgħid li anke jekk persuna tkun imlaqqma kompletament kontra l-Covid-19, dawk li għandhom l-immunità tal-ġisem baxxa huma f’riskju akbar mill-virus.

Karriera brillanti

“Tlifna raġel, missier, nannu u ċittadin Amerikan ta’ qalb kbira u maħbub ħafna,” qalet il-familja ta’ Powell. Huwa kellu karriera brillanti tul ħajtu fejn l-ewwel spikka bħala suldat eċċellenti li kien imsejjaħ għall-gwerra tal-Vjetnan. Wara, lejn tmiem il-Presidenza ta’ Ronald Reagan, Powell laħaq bħala l-ewwel konsulent tas-sigurtà nazzjonali li kellu karnaġġjun skura u bħala l-iżgħar chairman Afro-Amerikan tal-Joint Chiefs of Staff taħt il-President George H.W. Bush.

Il-popolarità tiegħu kibret wara r-rebħa tal-koalizzjoni mexxija mill-Istati Uniti fil-Gwerra tal-Golf tant li lejn nofs is-snin 90 huwa kien ikkonsidrat bħala kandidat potenzjali biex isir l-ewwel president tal-Istati Uniti b’karnaġġjun skura. 

L-unika “żball” li ħa fil-karriera tiegħu kien meta fi żmien George W. Bush, bħala Segretarju tal-Istat għadda informazzjoni żbaljata lill-Ġnus Magħquda ħalli issir gwerra fl-Iraq. 

Fi stqarrija Bush qal li Powell “kien ħaddiem tas-settur pubbliku ddedikat u tajjeb ħafna. Huwa tant kien maħbub mill-Presidenti Amerikani li ngħata l-midalja prestiġġjuża – il-Presidential Medal of Freedom – għal darbtejn. Powell huwa raġel irrispettat kemm f’pajjiżu, kif ukoll barra minn xtutna iżda aktar importanti minn hekk, Colin kien raġel tal-familja u ħabib”.I


Ekonomija

Sport