Wednesday, April 24, 2024

GĦALIEX JIEN SOĊJALISTA?

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa, komplejt bid-door to door fid-djar tas-seba’ distrett. Gost u pjaċir tiegħi li niltaqgħa man-nies, għaliex dejjem titgħallem xi ħaġa ġdida. Din il-ġimgħa pero’ ltqajt ma’ persuna li qabditieli fuq suġġett differenti. Dan il-persuna għoġbu jfakkarni fil-kampanja Proud of my Politics li konna nedejna ftit tas-snin ilu l-Forum Żgħażagħ Laburisti, kampanja li għandi l-unur ngħid li kont mexxejtha flimkien mal-membri tal-eżekuttiv.

Apparti li qabbadni nostalġija kbira, fakkarni  fil-materjal li konna tellajna online, u b’mod partikolari semmieli l-frażi I’m a Socialist. Imma “għaliex tidentifika bħala soċjalista?”, staqsieni dan ir-raġel b’ċertu kurżità. Il-mistoqsija għal din it-tweġiba, ma stajtx intiha jien b’mod aħjar milli taha l-Ministru Clyde Caruana fil-baġit ta’ nhar it-Tnejn li għadda.

Nidentifika bħala soċjalista, għaliex bħall-Partit Laburista fil-Gvern, irrid nara li l-ekonomija tkompli tikber grazzi għall-ħaddiem, u mhux grazzi għas-sinjur li jibla kemm jibla, qatt mhu kuntent. Nidentifika bħala soċjalista, għaliex nemmen li l-Partit Laburista fil-Gvern, kellu mitt elf raġun jagħti żieda lill-pensjonanti u lill-istudenti tagħna permezz tal-istpendji, għaliex dawn il-flus jiġu bżonnhom aktar milli jiġu bżonnhom dawk li jaqilgħu eluf kbar. Soċjalista, għaliex nemmen li l-fatt li l-Gvern ħabbar li t-trasport pubbliku ser jiġi b’xejn għal kulħadd ifisser li l-istat qiegħed jaċċerta li qed jagħmel dak kollu possibbli, biex l-ambjent ikompli jingħata prijorità, u biex l-użu u d-dipendenza fuq l-karozzi jonqos.

Irrd ikun Gvern Laburista, u soċjalista, li jaħseb u jagħmel minn kollox biex jgħin lill-familji bil-kirjiet u biex isiru sidien ta’ darhom permezz tat-tiġdid tal- miżura tal-first time buyers. Huma dawn il-miżuri li juru l-valur tas-soċjaliżmu fis-soċjeta’ Maltija.

U finalment, soċjalista għaliex nemmen li l-edukazzjoni hija l-aqwa investiment fil-futur, u huwa permezz tal-edukazzjoni b’xejn u ta’ kwalità li nistgħu niffaċilittaw il-mobbiltà soċjali. Jekk il-ġenituri tiegħek ġejjin mil-klassi tal-ħaddiema, għandek ikollok iċ-ċans li timxi ‘l quddiem daqs it-tfal tal-aqwa negozjanti. Dan il-Gvern, dawn l-opportunitajiet jipprovdihom mhux biss bil-kliem, iżda bil-fatti.

Għalhekk jien soċjalista. Għalhekk jien Laburista. Lil dawk kollha li jaħsbuha bħali, nħeġġiġhom jikkuntattjawni. Pjaċir tiegħi li nisma’ mingħandkom, li nisma l-ideat u l-ħsibijiet tagħkom, u flimkien nistgħu nkomplu naħdmu għal Malta iktar ġusta ma kulħadd.

Sport