Tħabbret il-mewt ta’ Astro, fundatur u membru tal-grupp leġġendarju UB40 fl-età ta’ 64 sena. Dan il-kantant Ingliż, li ismu proprja kien Terence Williams, miet wara marda qasira.
Astro, li kien ikanta mużika Reggae Pop għal 30 sena sħaħ, kien ħalla l-grupp UB40 fl-2013, iżda baqa’ xorta fix-xena mużikali b’kunċerti li ttellgħu din is-sena u oħrajn ippjanati għall-2022 minn Ali Campbell u Astro.
L-aħbar ħarġet fi stqarrija fuq Twitter tal-istess “Ali Campbell and Astro” fejn ingħad li din it-telfa ħalliethom iddispjaċuti ferm u li jinsabu b’qalbhom maqsuma.

Il-grupp oriġinali kiseb suċċessi kbar fis-snin 80 b’kanzunetti bħal “Red Red Wine” u “Cant’t Help Falling in Love”. B’kollox UB40 kellhom 39 singles li telgħu fl-aqwa 40 tal-klassifika Ingliża u 28 album fost l-aqwa 40.
Il-kanzunetta li fiha Astro kien il-lead vocal – “Rat in Mi Kitchen” – telgħet it-12-il post fl-1987.