Tuesday, April 30, 2024

“Hemm xi nies li ma huma se jaħfruli qatt li għint biex inġib bidla fil-pajjiż”

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm xi nies li ma huma se jaħfrulu qatt li għen biex iġib bidla fil-pajjiż. 

“Jemmnu li lanqas li naħdem m’għandi dritt. Imma aktar ma jagħmluli aktar nibqa’ konvint kif dawn in-nies għadhom ma jistgħux joffru alternattiva għall-pajjiz.”

Huwa qal dan permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali wara li qal li fil-jiem li għaddew, ġurnal lokali staqsih dwar xogħol li għamel wara li spiċċa minn Prim Ministru. 

“Filwaqt li lill-Prim Ministri (u anki certi Ministri) oħra qatt ma smajt li staqsewhom x’xogħol u rwoli ħadu wara li temmew il-kariga tagħhom, jew x’kuntratti u konsulenzi ħadu wliedhom jew l-uffiċċji tagħhom, jien ma kellix problema li nwieġeb jekk ikun fl-interess pubbliku u bla ma nirfes fuq informazzjoni kummerċjali ta’ terzi. Kont trasparenti għal kollox.”

Żied jgħid: “It-titlu tal-istorja iżda ma jgħidx li għamilt xogħol għal kumpanija, kif jafu li għamilt, iżda li rċevejt flus. L-implikazzjoni hija ċara li qisni ingħatajt flus għalxejn jew suppost bħala kumpens ta’ transazzjoni ta’ miljuni kbar. Dan meta l-ħlas għax-xogħol li għamilt fuq medda ta’ xhur ma jqarreb xejn dawn l-ammonti. Imma min jaqra t-titlu ma jkunx jaf dan.”

Muscat qal li x-xogħol li għamel għal xi xhur ma kienx relatat ma’ proġetti relatati mal-Gvern Malti.  Spjega li x-xogħol li għamel kien mifrux ma’ pajjiżi differenti, f’setturi differenti, u huwa ddokumentat. 

“Ta’ dan ix-xogħol tħallast u ddikjarajt kollox, mhux bħal xi wħud li marru jiġru jipprovaw jirranġaw it-taxxa għaliex kienu deħlin fil-politika. Żgur m’għamiltx ukoll bħal min l-ewwel innegozja f’isem il-Gvern fi proġetti kbar, imbagħad mar imexxi l-entità fuq in-naħa l-oħra tal-mejda,” temm jgħid Muscat.

Sport