Friday, December 13, 2024

Imut iż-żagħżugħ eroj li bl-att ta’ karità fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu ispira lil ħafna

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu huwa ta l-flus li faddal u beda ġbir ta’ fondi biex jgħin tifel marid bil-kanċer

Ix-xahar li għadda konna qsamna l-istorja ta’ żagħżugħ minn Wales li minkejja t-tbatija li kien għaddej minnha ma ħasibix darbtejn biex jaħseb f’ħaddiehor li għaddej mill-istess battalja.

Kien ngħata biss xhur ta’ ħajja u sfortunatament ħalla din id-dinja din il-ġimgħa wara li kien marid b’tip ta’ kanċer li jibda mill-għadam. Maż-żmien, il-kanċer infirex f’diversi żoni oħra ta’ ġismu.

Din hija l-istorja ta’ Rhys Langford. Iż-żagħżugħ “eroj” li kien determinat li fl-aħħar xhur ta’ ħajtu jgħin tifel ieħor marid bil-kanċer. Fil-fatt huwa ta kważi dak kollu li rnexxielu jfaddal lil dan it-tifel li qatt ma kien iltaqa’ miegħu.

Fl-aħħar ġimgħat tiegħu, Rhys mexxa sforz inkredibbli ta’ ġbir ta’ fondi wara li ltaqa’ mal-istorja ta’ Jacob Jones, tifel ta’ sitt snin mill-istess belt, li qed jiġġieled kontra kanċer rari. Rhys mhux biss ta £1,000 mill-flus li huwa stess irnexxielu jfaddal, talli grazzi għall-isforz kbir tiegħu wassal biex inġabru aktar minn £60,000 biex jgħinu fit-trattament tat-tifel.

F’messaġġ li kien ħalla, huwa qal: “Naf li issa ma jista’ jsir xejn għalija imma bħala waħda mill-aħħar xewqat tiegħi nixtieq ngħin lil Jacob u ngħinu jiġġieled din il-marda orribbli. Naf x’jagħmlu t-trattamenti u l-mediċini orribbli lill-ġisem… infern. Jacob issa għandu sitt snin u ilu jiġġieled din il-marda għal parti kbira minn ħajtu. M’għandux ikun hekk!”

Kienet proprju omm Ryhs li tat l-aħbar devastanti li binha ħalla din id-dinja u f’kummenti li kitbet hija mhux biss qalet li huwa kien binha u t-tarbija tagħha, iżda ddeskrivietu fuq kollox bħala eroj. “Huwa miet fil-paċi d-dar bil-familja kollha tiegħu madwaru. Dulur kbir. Ħajti qatt mhu se terġa’ tkun l-istess. Mietet ukoll parti minni. Huwa affronta ġlieda twila u iebsa.”

Fl-aħħar sigħat ma naqsux għexieren ta’ messaġġ li lkoll qablu fuq il-fatt li bl-att ta’ karità li wettaq fl-aħħar mument ta’ ħajtu, minkejja l-agunija li kien għaddej minnha, ispira lil ħafna.

Ekonomija

Sport