Wednesday, July 24, 2024

Imut Joe Taliana eks impjegat tal-Union Press

Aqra wkoll

L-eks impjegati tal-Union Press tilfu wieħed mill-kollegi tagħhom li għal snin twal ħadmu flimkien fl-istamperija tal-General Workers Union. Dan bit-tħabbira tal-mewt ta’ Joe Taliana nhar is-Sibt li għadda fl-età ta’ 89 sena.

Taliana mexxa għal żmien twil, bħala foreman tal-istampaturi ta’ dik li dak iż-żmien kienet il-Union Press, meta l-istampar kummerċjali f’pajjiżna kien fl-aqwa tiegħu.

Joe Taliana kien meqjus bħala professjonista fil-qasam tal-istampar u għallem is-sengħa lil kemm-il apprendist li fis-snin sebgħin u tmenin kienu jiġu mpjegati mal-Union Press.

Fil-ħajja privata tiegħu, huwa għex u ħabb lill-Ħamrun, raħal twelidu, tant li nhar is-Sibt li għadda, ftit qabel miet, huwa kien preżenti għal-logħba bejn il-Ħamrun Spartans u Valletta City. Kien ukoll soċi akkanit tal-festa u l-każin tal-Banda San Gejtanu.

Huwa kellu żewġ ulied bniet, Rita miżżewġa lil Arthur u Brigitte miżżewġa lil Flavio.

Il-Funeral tiegħu se jsir għada b’quddiesa preasente cadavere fil-Knisja tal-Kunċizzjoni, il-Ħamrun fit-8.15 ta’ filgħodu.

Ekonomija

Sport