L-imwiet ta’ mill-inqas 56 tarbija, u żewġ ommijiet, matul l-aħħar ħames snin fil-Leeds Teaching Hospitals (LTH) NHS Trust fir-Renju Unit setgħu ġew evitati. Filwaqt li ż-żewġ dipartimenti tal-maternità tal-isptar huma kklassifikati bħala tajbin mir-regolatur tal-kura tas-saħħa tal-Ingilterra, żewġ whistleblowers qalu li jemmnu li d-dipartimenti msemmija mhumiex sikuri.
Ġnituri imnikktin ta’ trabi li mietu jgħidu li huma mħassba li l-kap eżekuttiv tat-trust matul il-perjodu li fih seħħew il-biċċa l-kbira tal-imwiet issa qed imexxi lir-regolatur, u jsostnu li dan jista ‘jaffettwa l-indipendenza tal-investigazzjoni tal-LTH Trust.
Min-naħa tiegħu, l-LTH fi stqarrija lill-BBC qal li l-maġġoranza l-kbira tat-twelid f’Leeds kienu siguri, u l-imwiet ta’ ommijiet u trabi kienu rari ħafna.
L-istqarrija żiedet tgħid li Leeds jieħu ħsieb volum ogħla ta’ trabi b’kundizzjonijiet kumplessi peress li huwa wieħed minn “numru żgħir ta’ ċentri speċjalizzati” fir-Renju Unit.
Id-dipartimenti tal-maternità tat-trust jinsabu f’Leeds General Infirmary u St James’s University Hospital.
Il-familji qed jitolbu reviżjoni indipendenti f’LTH Trust biex jiżguraw li l-kwistjonijiet jiġu identifikati u jittieħdu l-lezzjonijiet. Huma jridu wkoll inkjesta pubblika indipendenti mmexxija minn imħallef biex tgħin tittejjeb is-sigurtà tal-maternità madwar l-Ingilterra minħabba tħassib usa ‘ dwar l-istandard tal-kura.
LTH kellu l-ogħla rata ta mortalità tat-trabi fir-Renju Unit ta’ 4.46 għal kull 1,000 twelid ħaj fl-2022, skont l-aħħar rapport minn MBRRACE-UK li jirrevedi t-twelidijiet mejta u l-imwiet tat-trabi iżda ma janalizzax jekk xi waħda minn dawn humiex potenzjalment evitati.
Analiżi ta’ din id-dejta, li saret pubblika f’Lulju li għadda, turi li din żdiedet minn 3.30 għal kull 1,000 twelid ħaj fl-2017. Iċ-ċifra LTH 2022 hija 70% ogħla mir-rata medja għal trusts NHS oħrajn.