Friday, December 20, 2024

IMWIET TAT-TRAFFIKU

Aqra wkoll

Wisq nibża’ li se jerġa’ jiġri kif dejjem ġara. Għal żmien iqum furur dwar kemm qed jiżdiedu l-aċċidenti serji tat-traffiku. Iqumu protesti. Isiru stqarrijiet kollha determinazzjoni biex l-affarijiet jissewwew. Imbagħad jew ma jsir xejn jew kollox jerġa’ għal li kien. Sakemm tiġri traġedja oħra, jew tnejn.

Għal min mhux espert fit-teknoloġija tat-traffiku imma għandu rasu fuq għonqu, jidhru diversi fatturi li qed jikkontribwixxu għal dak li ġara u qed jiġri. Jekk ma jiġux maħlula, żgur nibqgħu bl-istess litanija traġika.

Fosthom: toroq mibnija ġodda li jħajru ż-żieda fis-sewqan; toroq ħżiena; konsum ta’ alkoħol u drogi qabel u waqt is-sewqan; sewwieqa jsuqu karozzi ta’ qawwa kbira mingħajr esperjenza f’sewqan bihom; żieda fil-muturi mat-toroq; bankini mħarbta li jwasslu biex nies timxi fit-triq barra l-bankini; nuqqas ta’ sorvelja u kontrolli; nuqqas ġenerali ta’ dixxiplina…

ĦLAS TA’ TAXXI KIF DOVUT

Intlaqgħet tajba jew le l-inizjattiva mħabbra tal-gvern li se jibda jagħfas aktar kontra dawk li żgiċċaw u qed jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom fuq li jaqilgħu?

Ma’ min tkellimt: min qal iva, min qal le!

Tal-iva: Mhux ovvja li għandha ssir dil-ħaġa? Hawn min qed jimpala l-ewros, u kulħadd jaf li qed jagħmel hekk… u qisu mhux hu! Jonfoq, jaqla’ u jiftaħar li m’għandux x’jinkwieta dwar taxxi.

Tal-le: Se jkun indħil ieħor fil-ħajja privata tan-nies. Il-mod kif inhuma ssettjati t-taxxi f’dal-pajjiż u fl-Ewropa hu tqil wisq, nieqes minn kull sens ta’ qies. Joqtol is-sens ta’ inizjattiva.

Ma nafx għandix għalfejn ngħid lejn liema niġbed miż-żewġ verżjonijiet.

TRASPARENZA

Nilmentaw mid-deċiżjonjiet imħawda u xejn ċari li jieħdu f’pajjiżna l-istituzzjonijiet ġudizjarji, regolatorji u amministrattivi. U naħseb li min jagħmel l-ilmenti għandu biċċa raġun sew. Deċiżjonijiet li jittieħdu ħażin, li ma jitteħdux. Oħrajn li jkunu żbaljati imma li jibqgħu bla rimedju.

Il-problemi jinqalgħu fl-oqsma finanzjarji, tal-ippjanar, tal-proċessi fil-qrati: u sal-lum ftit jidher li nstabulhom xi soluzzjonijiet serji.

Żgur mhuwiex konsolazzjoni imma l-paragun ma’ x’jiġri barra irid isir.

L-għajnejn jinfetħu meta wieħed iqis x’ġara fil-futboll Taljan bil-mod kif it-tim tal-Juventus ġew penalizzati 15-il punt, imbagħad dawn reġgħu ngħataw lura. Il-penal ddaħħlet mill-ġdid b’10 punti.

Il-kwistjoni ma kinitx biss sportiva. Kienet relatata wkoll mat-tmexxija tas-swieq finanzjarji Taljani, bla trasparenza reali. Kien jixirqilha tbeżbiża. B’dal-mod?
Ma naħsibx.

Ma kienx hemm trasparenza jew id-dehra ta’ ġustizzja imparzjali f’li sar. Ġara hekk f’okkażjonijiet oħra, fl-Italja u f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan joħloq sfiduċja fil-mod kif problemi jiġu kklirjati.

Ekonomija

Sport