Saturday, May 4, 2024

IMWIET

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Toqgħod taħseb fuq dak li ġara u qed jiġri fl-Ukrajna, ikollok tifhem kif deċiżjoni li tinvadi, tattakka, tiddikjara gwerra kontra pajjiż ieħor hi waħda radikali. Hi kompletament differenti mid-deċiżjonijiet li mexxejja Ewropej draw jieħdu, għat-tajjeb u għall-ħażin, fiż-żminijiet riċenti

Deċiżjoni ta’ gwerra mhijiex bħal waħda ta’ interdett fuq xi strajk ġenerali, xi Brexit, il-varar ta’ politika ta’ awsterità, dikjarazzjoni ta’ diżubbidjenza ċivili, l-organizzazzjoni kontra t-terroriżmu urban… Biha, qed tibgħat nisa u rġiel militari javvanzaw fl-artijiet ta’ ħaddieħor. Hemm, se jsibu rġiel u nisa armati, lesti għalihom. Se jitqatlu bejniethom.

Jista’ jkun hemm ir-rebħa ta’ naħa jew oħra, jew is-sitwazzjoni militari tista’ tispiċċa staġnata. Ikun xi jkun ir-riżultat, bnedmin se jmutu. Mhux biss suldati. Imma nisa u irġiel ċittadini li jinqabdu fil-ġlied.

B’deċiżjoni ta’ gwerra qed taċċetta l-imwiet ta’ nies f’numru li ma tistax tkejlu minn qabel. Terribbli.

***

PERSPETTIVA TAT-TUL

Il-ħajja hi qasira. Forsi dan iwassal biex ħafna minna jiżnu xinhu jiġri matulha minn perspettiva viċina għaż-żmien li qed jgħixu fih. Kawżi u konsegwenzi ta’ li jista’ jiġri, jekk imorru ’l quddiem jew lura aktar bogħod minn forsi erba’ għal ħames snin, ftit jitqiesu bħala siewja.

Dan iwassal għal memorji u apprezzamenti “qosra” – biex ma ngħidilhomx superfiċjali – ta’ x’ġara u qed jiġri. L-ispjegi jinstabu f’raġunijiet li ma tantx imorru lura fiż-żmien. Mentri fir-realtà x’aktarx li wieħed isib meta jirrifletti ftit, li l-kawżi u r-raġunijiet li jirreferu għal xinhu qarib, huma nfushom filfatt, jistrieħu fuq kawżi u raġunijiet li jmorru aktar ’il bogħod. Minħabba dal-bogħod, l-effetti tagħhom intesew, għalkemm kienu u għadhom profondi. Filfatt, messhom jitqiesu ta’ li huma:  il-veru pern ta’ x’jinsab madwarna llum.

Hu b’dal-mod, naħseb jien, li jmissna nqisu avvenimenti ewlenin fl-istorja moderna tagħna bħall-Indipendenza, it-tluq tal-forzi Brittaniċi mill-pajjiż, u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Imma ma nagħmlux hekk.

***

EWROPA NUKLEARI

Mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, fl-Ewropa qed iqumu dubji u proposti ġodda.

Potenza nukleari fetħet gwerra kontra pajjiż ieħor Ewropew. L-għodda nukleari tagħtiha prepotenza vitali fuq ħaddieħor.

Biex tiddefendi ruħha għal dan, l-Ewropa tal-punent tiddependi mill-umbrella Amerikana. Mill-presidenza ta’ Donald Trump dil-protezzjoni m’għadhiex aktar garantita. Allura, l-Ewropa jeħtiġilha kapaċità nukleari li tkun tagħha, awtonoma. 

Franza għandha deterrent nukleari tagħha imma ma jistax jitqies effettiv biżżejjed imqabbel mal-armi tar-Russi u tal-Amerikani. L-istess dwar l-għodda nukleari tal-Brittaniċi; imma r-Renju Unit ftit tista’ tafdah bħala parti mill-profil Ewropew. Mingħajr sehem sostanzjali Ġermaniż f’Ewropa armata bin-nukleari, l-Ewropa ma tasalx; hekk qed jintqal.

Sport