Friday, November 22, 2024

In-Nazzjonijiet Uniti twissi li attakk f’Rafah jista’ jista’ jwassal għal “qtil tal-massa”

Aqra wkoll

Uffiċjal għoli tan-Nazzjonijiet Uniti wissa li attakk Iżraeljan fuq Rafah, tista’ twassal għal “qtil tal-massa”. 

Martin Griffiths qal li l-Palestinjani f’Gaża diġà qed isofru “attakk bla ebda paragun fl-intensità, il-brutalità u l-ambitu tiegħu.” Huwa żied jgħid li l-konsegwenzi ta’ invażjoni f’Rafah jista’ jkunu katastrofiċi. 

Is-Sur Griffiths tenna jgħid li ‘l fuq minn miljun ruħ jinsabu miġbura f’Rafah, ilkoll qed jaffaċċjaw ir-riskju tal-mewt. Qal ukoll li ċ-ċittadini f’din il-belt ftit li xejn għandhom ikel jew aċċess għall-mediċini kif ukoll “imkien sigur fejn imorru”. 

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu wiegħed li se jegħleb lill-irġiel armati tal-Ħamas li qed isostni li jinsabu moħbija f’din il-belt. 

Intant, kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li n-NU ma rċeviet l-ebda pjan ta’ evakwazzjoni ta’ Rafah mill-Iżrael u mhix se tipparteċipa fl-ebda evakwazzjoni sfurzata.

Stephane Dujarric qal: “In-Nazzjonijiet Uniti mhux se tkun parti għal xi spostament furzat tan-nies.”

Rafah hija belt żgħira li tinsab fin-nofsinhar ta’ Gaża u fuq il-fruntiera mal-Eġittu. Qabel beda l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, f’Rafah kien hemm mal-250,000 persuna, iżda wara li Iżrael ordna liċ-ċivili sabiex jevakwaw lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż, il-popolazzjoni f’din il-belt żdiedet għal madwar 1.5 miljun ruħ.

Ħafna persuni bdew jgħixu fit-tined u f’kundizzjonijiet imwiegħra. Dan hekk kif ma kellhomx post ieħor fejn imorru joqogħdu. F’dawn l-aħħar jiem, f’Rafah seħħew diversi attakki, b’minn tal-inqas jinqatlu 67 persuna. 

Sadanittant, il-President Amerikan Joe Biden wissa lill-Iżrael biex jipproteġi liċ-ċittadini. Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit David Cameron talab lill-Iżrael biex “jieqaf u jaħseb bis-serjetà” qabel jattakka lil Rafah. 

Sport