It-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) tilqa’ fi ħdanha lin-Nepali Chef Society Malta, wara ftehim li se jwassal għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet b’risq il-ħaddiema u l-professjonisti Nepaliżi fis-settur tal-ospitalità f’Malta.
In-Nepali Chef Society Malta hija assoċjazzjoni reġistrata f’Malta li tiġbor flimkien koki u professjonisti kulinari Nepaliżi li jaħdmu f’lukandi, ristoranti u stabbilimenti oħra fl-industrija tal-ospitalità. L-Assoċjazzjoni twaqqfet bil-għan li tgħaqqad lill-koki Nepaliżi, tippromwovi l-kultura u l-kċina Nepaliża f’Malta u toħloq komunità professjonali li toffri appoġġ lill-membri tagħha.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Brian Bonnici, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp u qal li d-deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni li tersaq aktar qrib il-GWU hija sinjal ieħor tal-fiduċja li l-Union qed tkompli tibni fost il-ħaddiema barranin f’Malta, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs).
“Dan is-sinjal ta’ fiduċja ma jiġix waħdu. Il-fiduċja tinbena permezz ta’ ħidma serja, konsistenti u persistenti favur il-ħaddiema. Aħna sodisfatti li n-Nepali Chef Society Malta rat fil-GWU tarka għall-ħaddiema tagħha, kif ukoll sors ta’ appoġġ, gwida u rappreżentanza,” qal Bonnici.
Huwa żied li l-GWU se tkompli taħdem biex tkun aktar qrib il-ħaddiema barranin u tgħinhom jifhmu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Min-naħa tiegħu, Sundar Ghimire, Viċi President Anzjan tan-Nepali Chef Society Malta, qal li d-deċiżjoni li l-Assoċjazzjoni tissieħeb mal-GWU ma tteħditx biss bil-għan li l-membri tagħha jibbenefikaw mill-esperjenza professjonali tal-Union fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll biex tinħoloq kollaborazzjoni usa’ u tissaħħaħ il-preżenza tal-komunità professjonali Nepaliża fis-soċjetà Maltija.
Huwa spjega li s-sħubija mal-GWU għandha tgħin lill-Assoċjazzjoni torganizza ruħha aħjar u tkompli tilħaq l-għanijiet tagħha, fosthom li tipprovdi appoġġ u gwida lill-membri, toħloq opportunitajiet ta’ networking professjonali u tħeġġeġ il-qsim tal-għarfien bejn koki u ħaddiema Nepaliżi fis-settur tal-ospitalità.
“Aħna nemmnu fil-professjonalità u l-ħidma tal-GWU. Sa mill-ewwel komunikazzjoni tagħna mal-Union ħassejna li konna milqugħa u li qed naħdmu ma’ organizzazzjoni serja, organizzata u magħmula minn nies dedikati li huma lesti jisimgħu, jifhmu u jaġixxu. Nirringrazzjaw lir-rappreżentanti tal-GWU għad-disponibbiltà li wrew magħna mill-ewwel ġurnata,” qal Ghimire.
Waqt laqgħa li saret fil-Workers’ Memorial Building bejn rappreżentanti tal-GWU u tan-Nepali Chef Society Malta, Bonnici saħaq fuq il-ħtieġa li ż-żewġ organizzazzjonijiet iżommu kuntatt kontinwu u jaħdmu flimkien biex jgħinu lill-professjonisti Nepaliżi, fosthom żgħażagħ li jiġu Malta biex jibnu l-karriera tagħhom.
“Huwa dmir tagħna li nappoġġjaw inizjattivi li jgħinu lill-ħaddiema jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom meta jkunu f’pajjiżna. Fl-istess waqt, għandna obbligu li ma naċċettaw ebda forma ta’ abbuż jew sfruttament. Irridu li dawn il-ħaddiema jħossuhom parti mill-komunità Maltija,” qal Bonnici.
Ghimire qal li l-mod kif il-membri tal-Assoċjazzjoni ġew milqugħa u mismugħa mill-GWU kiseb ir-rispett u l-apprezzament tagħhom. Huwa esprima l-fiduċja li l-gwida, il-kooperazzjoni u l-appoġġ kontinwu tal-GWU se jkunu ta’ valur għall-ħaddiema Nepaliżi u għall-professjonisti fis-settur tal-ospitalità f’Malta.
Huwa ħeġġeġ ukoll lil aktar koki u ħaddiema fl-ospitalità biex jingħaqdu u, permezz tal-GWU, ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol u jsiru parti attiva minn komunità usa’ ta’ ħaddiema.
Fi tmiem il-laqgħa, Bonnici enfasizza l-importanza tas-solidarjetà kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-komunità.
“Meta ningħaqdu, nappoġġjaw lil xulxin u naqsmu l-għarfien tagħna, nistgħu nibnu futur aktar b’saħħtu għal kulħadd. Il-kulturi differenti għandhom ikunu sors ta’ ġid għas-soċjetà tagħna u mhux ta’ firda. Huwa sabiħ li nifhmu lil xulxin, nirrispettaw id-differenzi tagħna u naħdmu flimkien,” temm jgħid Bonnici.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Manav Sanger, rappreżentant tal-GWU għat-TCNs f’Malta, li qed iwettaq ħidma biex isaħħaħ il-kuntatt bejn il-GWU u l-komunitajiet ta’ ħaddiema barranin f’Malta.
