Friday, April 26, 2024

“In-newtralità tagħna qatt ma tista’ tkun kompliċità mal-ħerba tal-gwerra”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-omelija tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni f’Jum it-Tifkira, l-Arċisqof Scicluna semma kif anke l-Mulej stess kien vittma innoċenti ta’ proċess inġust u ta’ kundanna infami. Sostna li m’hemm xejn li l-Mulej javżana u jitlobna li ma jgħaddix minnu hu, u li bħalma javżana, iwegħedna li jekk nagħżlu s-sewwa ma nintilfux. 

“Kull meta jkolli ċans inżur wieħed miċ-ċimiterji tal-vittmi tal-gwerer u ninnota l-età ċkejkna, żagħżugħa ta’ ħafna mis-suldati midfuna hemm nistaqsi lili nnifsi: Imma dawn għalhiex iċċaħdu mż-żogħżija tagħhom, mill-ħolm tagħhom, mit-tamiet u t-tħaddina tal-maħbubin tagħhom?”.

“Aħna li qed ingawdu ħajjitna, istituzzjonijiet demokratiċi, nibqgħu midjunin lejn dan is-sagrifiċċju. Nitolbu l-grazzja li dan is-sagrifiċċju, l-umanità ma tibqax titolbu mill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa tagħha bħlama għadha tagħmel sal-lum.

“Impessjonawni xeni ta’ żgħażagħ f’pajjiż kbir li kienu qegħdin jipprotestaw kontra l-gwerra u ttieħdu bilfors għal-lieva. Ir-risposta ta’ min għandu l-poter dittatorjali kienet: Inti trid il-paċi? Nibagħtek għall-qatla,” qal l-Arċisqof. 

Huwa żied jgħid li l-pajjiż tagħna li bbenefika mis-sagrifiċċju ta’ ħafna huwa midjun lejn is-sewwa u l-ġustizzja. “Bħalma għedt drabi oħra, in-newtralità ġusta tagħna qatt ma tista’ tkun kompliċità mal-inġustizzja, mal-arroganza u mal-ħerba tal-gwerra. Il-Mulej idawwal lil min għandu responsabiltà jieħu deċiżjonijiet, biex id-deċiżjonjiet tagħna jkunu tassew ta’ ġieħ għal min vittma innoċenti tar-rieda tal-politiċi ħalla ħajtu.”

Sport