Friday, July 19, 2024

In-nies qed jgħixu iktar ġurnata b’ġurnata

Aqra wkoll

Il-maġġoranza assoluta qiegħda tgħix ġurnata b’ġurnata (52.8%) mentri 47.2% qalu li jippjanaw ħajjithom.Fis-sena 2022 rajna żieda sostanzjali f’dawk li qalu li huma kuntenti b’ħajjithom (60.7% fl-2021 vs 77.0% fl-2022). Il-perċentwal ta’ din is-sena huwa simili għal tas-sena l-oħra. 

Dan ħareġ minn stħarriġ xjentifiku dwar l-Istat tan-Nazzjoni li sar mill-espert fl-istatistika u l-lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà u l-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, is-Sur Lou Bodi. L-istħarriġ kien jikkonsisti f’kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ‘l fuq, b’margin of error ta’ +/ 3%.

Kull sena bejn is-sena 2021 u 2023 kienet qed tiġi nnotata żieda gradwali f’dawk li qalu li huma jaħsbu li rnexxew f’ħajjithom (minn 61.1% fis-sena 2021 għal 65.1% fis-sena 2022 għal 70.4% fis-sena 2023). Din is-sena r-riżultati huma simili għal tas-sena l-oħra. Dawk li huma separati jew divorzjati huma l-inqas li jaħsbu li rnexxew f’ħajjithom (56.0%). 

Meta mqabbel mas-sena l-oħra, naraw li kien hemm żieda f’dawk li qalu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena (39.1% fl-2023 vs 45.5% fl-2024).

Għalkemm il-maġġoranza tan-nies jaħsbu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa, fis-sena 2024 qed naraw l-inqas perċentwal ta’ nies li qalu li huma jħossu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa (51.8%). 

Aktar kemm hu għoli l-livell ta’ edukazzjoni tan-nies, aktar huma dawk li qalu li għandhom l-istandard tal-għajxien tagħhom ‘il fuq mill-medja. Dawk li jħallsu l-ogħla taxxa fuq id-dħul, huma l-aktar li qalu li għandhom l-istandard tal-għajxien tagħhom ‘il fuq mill-medja.

Mistoqsija kif inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, il-maġġoranza tan-nies qalu li din baqgħet l-istess meta mqabbla ma’ sena ilu (48.2%), 29.2% qalu li marret għall-aħjar u 22.6% qalu li marret għall-agħar. Ta’ min jinnota li s-sena 2024 kienet l-aktar sena li fiha n-nies qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-aħjar f’dawn l-aħħar erba’ snin.

L-aktar li jfittxu l-għajnuna huwa mingħand il-qraba li jgħixu magħhom (66.8% ta’ dawk li wieġbu qalu li huma dejjem jiddiskutu l-problemi tagħhom mal-familja li jgħixu magħha). L-inqas li jfittxu għajnuna huwa mingħand il-kollegi tax-xogħol.

F’dak li jirrigwardja l-għażliet importanti fil-ħajja, il-familja hija l-aktar sors imfittex min-nies sabiex dawn jieħdu deċiżjonijiet importanti.

Ekonomija

Sport