Sunday, December 22, 2024

“In-nies qegħdin jaqilgħu daqqa trippla”

Il-gwerra fl-Ukrajna tista’ twassal biex fix-xitwa l-pajjiżi Ewropej ikollhom kriżi serja ta’ enerġija

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni dinjija mhi waħda sabiħa xejn. Il-bdil fil-klima bil-konsegwenzi katastrofiċi kollha li qegħdin naraw, mard serju bħall-virus qattiel tal-Covid-19 u gwerer bħal dik li għandna bħalissa fl-Ukrajna, huma l-akbar problemi li qegħdin nsofru. Proprju f’perjodu daqshekk instabbli u iebes, l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha għandhom sfida oħra quddiem wiċċhom – dik li fix-xitwa li ġejja jista’ jkollhom kriżi serja ta’ enerġija minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ gass essenzjali li s-soltu jiġi mir-Russja. Minħabba sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea bħala ritaljazzjoni għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-pajjiżi Ewropej qegħdin ikollhom jiffaċċjaw sfidi kbar inkluż inflazzjoni qawwija li qiegħda tagħtihom daqqa ‘l isfel, biċ-ċittadini jieħdu l-istesss daqqa trippla tant li qegħdin ikollhom ibiddlu l-mod kif jgħixu minħabba li ta’ kuljum, il-flus fl-idejn qegħdin jonqsu. 

Issa li r-Russja ħabret li mhiex se tgħaddi l-gass tagħha minħabba “ħsarat fit-turbini” liema turbini mhiex tafda li tibgħat għat-tiswija fl-istess pajjiżi Ewropej, ħafna qegħdin jiddubitaw kemm id-deċiżjonijiet tas-sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea kienux tajbin jew tal-inqas, mgħaġġla wisq. Ma’ din hemm dubji kbar kemm fil-verità hemm ħidma favur il-paċi biex il-gwerra fl-Ukrajna tieqaf. B’dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ u anke konsenji ta’ armamenti lejn l-Ukrajna, il-gwerra li bdiet fi Frar li għadda qiegħda titwal u tiħrax b’detriment għal dawk involuti direttament u anke dawk indirettament. Ir-rwol tal-Istati Uniti f’dan kollu kien, għadu u jibqa’ kruċjali iżda, din is-super potenza wkoll mhiex timbotta negozjati għal ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Din qiegħda tagħżel li, mill-bogħod, tikkundanna lir-Russja b’konsegwenza li qiegħda konxjament jew le, issaħħan aktar l-irjus.

Dwar dan u aktar talk.mt tkellmet ma’ Clint Flores, ekonomist u analist politiku b’esperjenza fl-istituzzjonijiet Ewropej, li filwaqt li wissa li din il-kriżi hija waħda serja, sostna li l-Unjoni Ewropa m’għadhiex dik li jiftakar huwa u li, fil-fatt, fil-każ tal-gwerra fl-Ukrajna qatt ma semagħha tisħaq għall-paċi. Anzi, pjuttost dejjem tkellmet dwar armamenti u kif ġustament jgħid l-istess Flores, bl-armamenti ma ġġibx il-paċi!

“Anke jekk jitkisser kollox… xorta jridu jpoġġu u jaqblu fuq pjan ta’ paċi”

Fl-intervista ma’ Clint Flores naraw kif l-Unjoni Ewropea diġà kellha tirtira s-sanzjonijiet fuq il-banek Russi bil-għan li jasal l-ikel madwar id-dinja u fuq raġunijiet validi oħra, l-analist politiku jemmen li bħala soluzzjoni temporanja, il-blokk Ewropew jista’ jneħħi s-sanzjonijiet imposti ħalli jassigura li jasal il-gass fil-pajjiżi Ewropej fix-xitwa li daqt tkun magħna. 

Flores isemmi ftehim li kienet qalet li laħqet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Lyen, dwar provvista ta’ gass mingħand ”dawk li għandhom l-istess politika u ideoloġija Ewropea” u jgħid li l-Istati Uniti fil-verità, ma kkalkolawx l-effetti ħżiena ta’ din il-gwerra. 

L-Ukrajna wissiet li ġejja xitwa iebsa. F’liema sens? 

Din il-ġimgħa r-Russja ħabret li mhux se tkun qiegħda tiftaħ il-gass mill-pipeline Nord Stream I, li jforni l-gass lejn il-Ġermanja u l-kumplament tal-pajjiżi. Għaldaqstant, ir-Russja qiegħda tgħid li kien hemm xi ħsarat li jistgħu jissewwew biss jekk is-sanzjonijiet li kienu imponuti fuqha mill-Ewropa jkunu kkanċellati jew aħjar, irtirati. Dan bl-istess mod kif m’ilux kienu irtirati sanzjonijiet li kienet imponiet l-Unjoni Ewropea fuq banek Russi ħalli jkun jista’ jasal l-ikel madwar id-dinja, wara li s-Segretarju tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, daħal biex isolvi din il-problema li qiegħda twassal għall-kriżi tal-ikel fid-dinja. 

Ukoll ir-Russja qalet li jekk tibgħat it-turbini li għandhom il-ħsara lejn l-Ewropa m’għandiex garanzija li jiġu lura. Għal din ir-raġuni r-Russja għalqet il-gass li wkoll ma tistax tiftħu qabel jissewwew il-ħsarat li hemm u f’dan ir-rigward mhiex se tforni aktar u għalhekk jista’ ikun hemm kriżi ta’ enerġija fix-xitwa fl-Ewropa. Din il-kriżi hija waħda serja minħabba l-fatt li l-ekonomiji Ewropej mistennija li se jieħdu daqqa speċjalment dawk tal-manifattura. Fil-fatt, il-Ġermanja reġgħet poġġiet żewġ impjanti nukleari oħra fuq ‘stand-by’ f’każ li jkollha bżonn aktar sorsi ta’ enerġija biex tħaddem l-impjanti tagħha tal-gass jekk ikollha nuqqas. 

L-ekonomiji u n-nies qegħdin jaqilgħu daqqa trippla, inflazzjoni b’mod ġenerali – nuqqas ta’ provvista allura trid tibdel il-mod kif tgħix u nuqqas ta’ dħul biex tħallas il-prezzijiet li splodew. Din qiegħda twassal ukoll għal protesti kontra dawk li ħadu d-deċiżjonjiet. Ma mmorrux ‘il bogħod, ir-Repubblika Ċeka bħalissa assumiet ir-rwol tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unoni Ewropea. Kien hemm madwar 70,000 ruħ jipproptestaw kontra s-sapport għan-NATO u l-azzjonijiet li ttieħdu. U jekk se jibqgħu sejrin hekk, aktar se tiggrava s-sitwazzjoni. 

Jekk mhux se jsir ftehim se jbatu ħafna nies

X’jista’ jsir mill-Unjoni Ewropea biex iċ-ċittadini ma jbatux? 

Ngħidlek il-verità ma tantx qiegħed nara triq oħra differenti. L-għażliet li ħalliet u imponiet fuqha l-Unjoni Ewropea meta għaġġlet biex timponi s-sanzjonijet ma ħallulhiex triq oħra li tkun dipendenti fuq ir-Russja. Niftakar li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Lyen, meta faqqgħet il-gwerra u bdew jimponu s-sanzjonijiet, kienet qalet li għamlet xi tip ta’ ftehim u kellha s-sigurtà tal-provvista mingħand dawk li għandhom l-istess politika u ideoloġija Ewropea. 

Dak iż-żmien jien kont staqsejt ma’ min għax biex tkabbar il-provvista u l-forniment tal-gass kumpaniji madwar id-dinja jridu jżidu l-produzzjoni tagħhom b’mod mgħaġġel biex ifornu lill-Ewropa l-ammont li timporta mir-Russja. Dan seta’ jsir biss fuq medda ta’ snin ukoll għax din mhiex kwisjoni ta’ sempliċiment ftit xhur. 

Naħseb l-unika mod kif l-Unjoni Ewropea tista’ temporanjament issewwi l-problema hija billi tneħħi s-sanzjonijiet kontra r-Russja u tniedi l-pipeline tal-gass Nord Stream 2. Dan huwa pipeline li kien abbandunat mill-Ġermanja fit-22 ta’ Frar li għadda ftit qabel l-invażjoni u l-istess pipeline għaddej minn taħt il-baħar Baltiku. Dan ukoll qegħdin jipproponuh ir-Russi. Nemmen li jekk mhux se jsir xi tip ta’ ftehim, se jbatu ħafna nies ekonomikament u anke soċjalment. 

Ukoll, l-Unjoni Ewropea trid tibdel il-mod ta’ kif jinħadmu l-prezzijiet tal-enerġija li huma bbażati u allaċċjati mal-gass. Dawn ikunu miontratti ta’ skambju biex niftiehmu li biex tinbidel il-formula u l-mod ta’ kif tinħadem se tieħu ż-żmien. 

Li terbaħ il-gwerra ma jfissirx li hija paċi…

Jidher li ftit hemm ħeġġa għal negozjati ta’ paċi. Dan kemm miż-żewġ naħat involuti fil-konflitt, kif ukoll mill-UE u mill-Istati Uniti. Għala? 

Kemm ilha li bdiet il-gwerra l-Unjoni Ewropea ma smajtha qatt titkellem dwar il-paċi. Qatt ma smajthom ilissnu l-kelma. Din mhiex l-istess Unjoni Ewropea li naf jien u li kbirt fiha. Din hija Unjoni Ewropea differenti ħafna. Anzi, nemmen li flok diplomazija riedu aktar armamenti u bl-armamenti ma tilħaqx paċi. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa li għaddiet saħansitra tellgħet fuq il-profil u l-paġna uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea li l-Ukrajna trid terbaħ din il-gwerra. Li terbaħ il-gwerra ma jfissirx li hija paċi. Apparti minn hekk ir-Rappreżentant Għoli, Joseph Borrell, ippropona fil-laqgħa informali tal-Ministri tad-Difiża, li tkun qiegħda ssir fl-istess żmien tal-laqgħa informali msejħa Gymnich tal-Affarijiet Barranin, li jkun hemm missjoni militari ta’ taħriġ fl-Ukrajna. Din kienet diġà pproponuta sena qabel il-gwerra però qatt ma mxiet ‘il quddiem u qiegħed ngħidha għax għamel aċċenn għaliha Joseph Borrell fil-laqgħa mal-ġurnalisti. 

Jekk se jsir aktar taħriġ militari jfisser li se jintefqu aktar flus min-naħa tal-Unjoni Ewropea fuq il-gwerra u li l-gwerra se ttawwal ħafna aktar. Finanzjarjament l-Unjoni Ewropea mhiex f’pożizzjoni li tonfoq flus fuq gwerra. Gwerra ma tissolviex bl-armi. Anzi, gwerra tissolva biss jekk ikun hemm ir-rieda għall-paċi bid-diplomazija. Finalment, anke jekk jitkisser kollox, xorta jridu jpoġġu bilqiegħda ħalli jaqblu fuq pjan ta’ paċi. 

Ukoll, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippożizzjona lilha nnifisha bħala l-portavuci tal-Affarjiet Barranin u aktar qiegħda taġixxi ta’ Ġeneral ta’ Armata Militari milli bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Hemm ftit arroganza li dejqet lil ħafna Ewropej, li wkoll nitkellem magħhom u nemmen li bħalissa kulma qiegħda tagħmel huwa biss li tiġġieled għas-siġġu tagħha biex ma jkollhiex tmiem kif ma tixtiequx hija.

Fuq l-Istati Unit, kull m’għandi xi ngħid huwa li kkalkolaw ħażin l-effetti tal-gwerra fuq livell globali u qegħdin joqogħdu ftit lura għax il-President Biden għandu dawk li jissejħu ‘mid-term elections’ f’Novembru li ġej. Però, din mhiex gwerra tal-Istati Unit u nemmen li l-Unjoni Ewropea ma kellha qatt tieħu pożizzjoni li tkisser lilha nnifihsa, kif dejjem għidt qabel faqqa kollox.   

L-Istati Uniti u l-bilanċ tal-poter

Ħafna jħossu li l-Istati Uniti qisha qiegħda tqajjem l-inkwiet u l-gwerer apposta, kemm biex tikkawża instabbiltà ġeopolitika u kemm għan-negozji tal-armi. Taqbel? 

Ma nqabilx. Naħseb l-Istati Unit aktar qiegħda tagħmel, b’mod pulit u aljenat, reviżjoni tal-bilanċi tal-poteri madwar id-dinja kif tixtieq li jkun imqassam hija b’mod universali. Nemmen li l-Istati Uniti jixtiequ li jkunu f’mudell differenti fejn jidħol il-bilanċ tal-poter, fejn hija jkollha aktar saħħa. Naħseb riedu jdgħajfu lir-Russja u wżaw lill-Ukrajna li nemmen li wkoll xtaqu jaslu għaċ-Ċina finalment peress li għandha kapaċitajiet militari kbar. 

Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea qagħdu attenti ħafna fejn tidħol il-kwistjoni tal-viżita tal-Kamra tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi u t-tensjonijiet li nqalgħu wara fit-Tajwan. Dan mhux ngħidu issa wara t-tensjoni ta’ Tajwan, għax kont tkellimt fuqu ħafna qabel. Però, nemmen li aktar imbottaw lir-Russja lejn iċ-Ċina u b’dan il-mod jista’ jkun li l-bilanċ tal-poteri ma jibqax wieħed multipolari imma jinbidel għal mudell li jersaq aktar lejn dak li jissejjaħ bipolari. Infatti, għall-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina huma msieħba u kompetituri u ħafna mir-riżorsi kritikali li għandhom bżonn biex javvanzaw ‘il quddiem, anke fuq teknoloġiji, jinsabu għandhom ukoll.   

Ftehim li jara l-interessi taż-żewġ naħat

Storikament u politikament min huwa korrett – ir-Russja jew l-Ukrajna?

Jien nemmen li ma tistax tidħol u tibdel il-fruntieri bi gwerra. Il-fruntieri kif inhuma llum inqablu b’mod internazzjonali u ma tistax tidħol b’aggressjoni militari. Li huwa żgur huwa li r-Russja dejjem tintepreta d-dokument ta’ Istanbul (tas-sigurtà) tal-1999 b’mod differenti. Ir-Russja tgħid  li hija għandha tieħu ħsieb is-sigurtà tagħha u pajjiż ieħor ġar tagħha, Ewropew, ma jistax isaħħaħ is-sigurtà tiegħu għad-detriment tas-sigurtà tar-Russja u li dak li japplika għall-Ewropa, japplika wkoll għat-transatlantiku taħt il-kappa tal-kunċett tal-indiviżibiltà. Dan kien intperpretat meta n-NATO kienu qegħdin iħarrġu lill-forzi armati tal-Ukrajna u bdew jersqu u jespandu lejn il-Lvant u meta wkoll l-Ukrajna kienet għaddiet fil-kostituzzjoni tagħha li għandha sħubija distinta man-NATO li eventwalment twassal għal sħubija sħiħa.  

Storikament, trid tara minn fejn se tibda. Nistgħu nibdew minn meta l-Ukrajna kienet biss art parti mill-ġid komuni tal-Polonja u l-Litwanja u nibqgħu sejrin sakemm il-Krimea kienet għand it-Torok u ttieħdet mill-Imperu Russu fis-seklu 18. Din damet imniżżla bħala art tal-Federazzjoni Russa sal-1954 meta fi żmien l-Unjoni Sovjetika Nikita Krushchev għaddiha bħala art tal-Ukrajna. 

Infatti, il-President Valdimir Putin dejjem irrefera għall-art tal-Krimea bħala art Russa ta’ nies jitkellmu bir-Russu u li meta ngħatat lill-Ukrajna kienet inġustizzja tal-Bolsheviks li meta waqgħet l-Unoni Sovjetika kellha terġa’ tingħata lura lilhom għax hija art inseparabbli tagħhom. Fil-fatt, il-mexxej rivoluzzjonarju Vladimir Lenin, kien ukoll qal li jkun dnub Russu li ma jgħarfux li l-Ukrajni huma differenti mir-Russi u li għandhom l-identità tagħhom u li kien dejjem żball tar-Russi li dan ma għarfuhx.   

Jien naħseb li t-tnejn fuq iż-żewġ naħat iridu jċedu biċċa u jrid jintlaħaq ftehim diplomatiku. Tgħidli jista’ jkun li qiegħed toħlom però, fid-diplomazija trid tipprova kollox. Nemmen li għandu jkun hemm ftehim li jara l-interessi taż-żewġ naħat u li jkun hemm ftehim sod u li jiggrantixxi waqfien mill-ġlied b’garanziji tas-sigurtà ċari li ma jħallu l-ebda ambigwità politika u legali. 

Nagħalq b’din – ftit wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin fl-1989 ħadd qatt ma ħolom li f’Malta kien se jsir summit simboliku li kien qiegħed jissiġilla l-istess ftehim tat-tmiem tal-Gwerra Bierda. Nemmen, li l-mewt ta’ Mikhail Gorbachev, l-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika setgħet tintuża bħala skuża mill-Punent biex jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Malta għandha rwol kbir fiha din! 

Ekonomija

Sport