Tuesday, May 14, 2024

IN-NORMALITÀ B’RESPONSABBILTÀ 

Aqra wkoll

Hekk kif mill-bieraħ komplew jonqsu aktar restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 biex issa dawn kważi tneħħew kompletament, jinħass aktar minn qatt qabel dak is-sens li kulħadd ikun responsabbli fl-aġir tiegħu kemm għalih innifsu u anke għal ħaddieħor.

Li nibqgħu responsabbli hija kruċjali billi nafu li l-pandemija b’xi mod se tibqa’ magħna u trid tindara. Dan bħalma huwa l-każ tal-influwenza li kull sena jkollna nitlaqqmu biex inrażżnu t-tixrid tagħha. 

Nifhmu li l-poplu ma jridx miżuri li jirrestrinġuh fil-ħajja normali tiegħu. Imma dak li hu bżonn ma nistgħux ngħaddu mingħajru jew ninjorawh. Issa li kważi tneħħew il-miżuri, irridu nkunu aħna li nipproteġu lilna nfusna billi nkunu aktar attenti u responsabbli f’dak li nagħmlu. 

F’dan l-isfond, ma nistgħux ma nirrimarkawx il-programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni li kien essenzjali biex il-konsegwenzi tal-pandemija jkunu minimizzati drastikament. 

Huwa ta’ sodisfazzjon li wara sentejn ninnutaw li pajjiżna mexxa tajjeb fil-kriżi ta’ saħħa li ġabet magħha l-pandemija. Dan juri li l-programm ta’ tilqim ħadem tajjeb u b’riżultat ta’ dan, evitajna ferm iktar imwiet u konsegwenzi mediċi oħra l-aktar fuq l-anzjani u dawk vulnerabbli. 

Għalhekk f’dan il-kuntest nifhmu li dawk li se jirċievu l-invit għat-tieni doża tal-booster, m’għandhomx jaħsbuha darbtejn u jmorru jitlaqqmu. Dan però se jkun b’mod volontarju u mhux obbligatorju, anke jekk qatt qabel ebda vaċċin ma kien imposta fuq ħadd. 

Ninsabu fiduċjużi li l-poplu se jifhem il-ħtieġa kbira tar-responsabbiltà u dan qed ngħiduh għaliex il-poplu diġà wera biċ-ċar kemm jaf ikun responsabbli meta l-pandemija kienet fl-eqqel tagħha. Għalhekk issa huwa sta għal kulħadd li jkompli jieħu deċiżjonijiet maturi li finalment iwasslu għan-normalità, liema normalità rridu nibżgħu għaliha aħna stess.

Jekk nimxu b’mod responsabbli nkunu nistgħu ngawdu aktar dak kollu li kien jagħtina gost qabel ma ġiet il-pandemija fuqna. Il-prospetti għax-xhur li ġejjin jidhru li huma sbieħ iżda rridu nkomplu nitgħallmu nkunu responsabbli lejna u lejn għajrna. 

Sport