Wednesday, April 24, 2024

In-numru ta’ immigranti li waslu Malta bejn Marzu u Awwissu jonqsu bin-nofs mis-sena li għaddiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

In-numru ta’ immigranti li ddaħħlu Malta bejn Marzu u Awwissu ta’ din is-sena naqsu bin-nofs. Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’kumment li ppubblika fuq il-midja soċjali.

Il-Ministru Bartolo qal li bejn Marzu u Awwissu ta’ din is-sena waslu 1,093 immigrant. Dan filwaqt li bejn Marzu u Awwissu tas-sena li għaddiet waslu Malta 2,216. Dan ifisser li waslu Malta 1,123 immigrant inqas.

Il-Ministru Bartolo attribwixxa dan it-tnaqqis għal żewġ raġunijiet prinċipali. Tenna li l-ewwel raġuni hija x-xogħol li l-Gvern għamel mal-Gvern tal-Għaqda tal-Libja u mat-Turkija, bl-impenn tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, li wasslu biex mat-3,500 immigrant irregolari li telqu mil-Libja nġabru u ttieħdu lura. Qal li kieku ma kienx għall-ħidma tal-Gvern kieku kienu jaslu Malta 5,593 immigrant minflok 1,093.

Tenna wkoll li fattur importanti li wassal għat-tnaqqis tal-immigranti f’Malta kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi ma jitħallewx iniżżlu immigranti irregolari Malta. “Bejn Marzu u Awwissu ma ħallejna jidħol ebda vapur u allura ma niżlu l-ebda immigrant irregolari fostna. Is-sena li għaddiet ġabu fostna 771 immigrant irregolari,” tenna Bartolo.

Huwa żied jgħid li intant f’Lampedusa waslu aktar minn 7,000 immigrant irregolari.

Bartolo tenna li l-Gvern se jkun qed ikompli jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tkun ta’ assistenza għall-Gwardja tal-Kosta Libjana bil-għan li l-immigrazzjoni irregolari titwaqqaf.

Sport