Saturday, December 21, 2024

In-numru ta’ vittmi tat-tifun Rai fil-Filippini jaqbeż il-mija

Aqra wkoll

In-numru ta’ persuni mejta kawża tat-tifun kbir li laqat lill-Filippini nhar il-Ħamis li għadda issa qabeż il-100 hekk kif qed jiġi rrappurtat li mill-inqas 169 persuni tilfu ħajjiithom.

It-tifun – li ngħata l-isem ta’ Rai – kellu saħħa ta’ riħ ta’ 195 kilometru fis-siegħa. Kawża ta’ dan, xejn inqas minn 300,000 persuna kellhom jitilqu mid-djar tagħhom biex jevitaw din il-maltempata. Ħaddiema tas-salvataġġ li tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li x-xena li sabu ma’ wiċċhom kienet waħda ta’ qerda totali. 

Uffiċjali tal-pajjiż qalu li n-numru eżatt ta’ persuni mejta għadu mhux magħruf u dan minħabba li hemm għadd ta’ żoni li spiċċaw inqatgħu għalihom u m’hemmx komunikazzjoni magħhom. 

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, sa dalgħodu n-numru ta’ persuni mejta kien ta’ minn tal-inqas 99. Skont AFP, in-numru ta’ vittmi se jkompli jikber minħabba l-għadd ta’ valagni u għargħar li laqtu għadd ta’ żoni. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar Aħmar (IFRC) nediet appell ħalli tiġbor 20 miljun frank Żvizzeru biex ikunu jistgħu jintużaw għall-irkupru fit-tul ta’ din iż-żona.

L-IFRC qalet li għadd ta’ djar, sptarijiet, skejjel u binijiet oħrajn spiċċaw meqruda f’dan il-maltemp qawwi. Voluntiera li qegħdin fuq il-post qed jagħmlu appelli għall-għajnuna hekk kif ħafna kienu dawk li tilfu kulma kellhom. Eluf ta’ suldati, ħaddiema tat-tifi tan-nar u gwardji tal-kosta ġew skjerati fiż-żoni milquta biex jagħtu l-assistenza tagħhom fit-tiftix u salvataġġ. Min-naħa tiegħu l-President Filippin Rodrigo Duterte wettaq spezz­joni mill-ajru taż-żona miltuqa.

Ekonomija

Sport