Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jiffaċċja kritika ħarxa u reazzjoni negattiva dejjem tikber dwar pjanijiet biex jimporta d-diżil mir-Russja, fi żmien meta l-gwerra fl-Iran qed tkompli taffettwa l-prezzijiet globali tal-enerġija.
Nhar il-Ġmgħa, Donald Trump ħabbar li l-President Russu Vladimir Putin kien aċċetta li jirrilaxxa 300,000 tunnellata ta’ diżil immedjatament għas-suq Amerikan u dak globali, segwiti minn diversi vjaġġi oħra.
Dan qed iseħħ b’kontradizzjoni ma dak li ftit ġimgħat biss ilu, Trump ffirma leġiżlazzjoni li tawtorizza sanzjonijiet u tariffi ġodda tal-Istati Uniti kontra nazzjonijiet li jimportaw iż-żejt u l-gass mir-Russja.
Minbarra r-rilaxx inizjali ta’ 300,000 tunnellata ta’ diżil, Trump qal li r-Russja mbagħad kienet se tforni 500,000 tunnellata f’Novembru u miljun tunnellata oħra żmien wara.
Dan kien se jkun segwit minn tliet miljun tunnellata oħra, li kienu se jitwasslu “fi żmien qasir” skont il-kundizzjoni tar-raffineriji tagħha, li ġew attakkati mill-Ukrajna matul il-gwerra li għaddejja bħalissa bejn iż-żewġ pajjiżi.
Id-Deputat Prim Ministru tar-Russja, Alexander Novak, ikkonferma dawn iċ-ċifri ma’ Tass — l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat tar-Russja — u qal li l-volum tal-esportazzjoni jista’ jilħaq it-tliet miljun tunnellata fix-xahar fil-futur.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky iddeskriva l-ftehim bħala rigal lil Putin li jammonta għal investiment fi gwerra li trid tintemm.
Jidher li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti qed jissospendi s-sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni tad-diżil Russu sas-7 ta’ April bħala parti mill-ftehim, iżda assi oħra, bħal dawk miżmuma fi banek Amerikani, se jibqgħu ffriżati.
Il-mossa li jiġi mportat id-diżil Russu ġiet ikkritikata minn leġiżlaturi Repubblikani u Demokratiċi, li jemmnu li l-ftehim jikser il-liġijiet tal-Istati Uniti. Nhar il-Ħadd, grupp ta’ seba’ senaturi – erba’ Repubblikani u tliet Demokratiċi – stqarrew li l-ftehim kien qed jikser il-liġijiet tal-Istati Uniti u ħeġġew lil Trump biex “ibiddel ir-rotta”.

