Persuna mejta u oħrajn midruba wara inċident fuq rollercoaster 

Aqra wkoll

Persuna mietet u diversi persuni oħrajn sfaw midruba wara inċident fuq rollercoaster f’park tad-divertiment fl-istat ta’ Georgia, fl-Istati Uniti. Id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Cobb County qal li qed jinvestiga l-każ fatali f’Six Flags Over Georgia, li jinsab madwar 15-il mil ’il bogħod minn Atlanta.

Il-pulizija ma speċifikatx liema kienet l-attrazzjoni involuta, iżda filmati mill-ajru meħuda minn ħelikopters tal-aħbarijiet urew ir-rollercoaster ‘Goliath’ wieqfa f’nofs ir-rotta tagħha, bil-ħaddiema jgħinu lill-passiġġieri biex jinżlu minn fuqha.

Six Flags Over Georgia stqarret li hija mnikkta ħafna bl-inċident li seħħ fil-park tagħha li involva viżitatur. L-awtoritajiet ma żvelawx kif mietet il-persuna.

Xhieda li kienu fuq il-post qalu lill-midja lokali li raw raġel jintrema ‘l barra mir-rollercoaster, iżda dawn ir-rapporti għad ġewx ma vverifikatx.

L-istazzjon lokali 11Alive kkwota xhud li qal li r-raġel waqa’ mir-rollercoaster fuq is-saqaf ta’ attrazzjoni tat-tip “haunted house.”

Kelliem għall-park stqarr li t-tim tal-park u l-awtoritajiet lokali intervjenew immedjatament u qed jikkollaboraw fl-investigazzjoni dwar l-inċident.

Ir-rikba “Goliath” infetħet fl-2006 u għandha għoli ta’ 200 pied (60 metru), inżul wieqaf ta’ 170 pied, spirali ta’ 540 grad u veloċità li tilħaq is-70 mil fis-siegħa, skont is-sit web tal-park.

Fuq l-iskala tagħha li tkejjel l-intensità tal-esperjenza (“thrill scale”), Six Flags tikklassifika lil Goliath fil-livell erbgħa minn ħamsa.

Six Flags hija l-akbar operatur ta’ parks tad-divertiment fl-Amerka ta’ Fuq, b’20 park tad-divertiment, 14-il park tal-ilma u disa’ resorts mifruxa mal-Kanada, l-Istati Uniti u l-Messiku.

Dan l-inċident seħħ ftit ġimgħat biss wara li wieħed mill-parks tagħha fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja ħabbar li kien se jagħlaq ir-roller coaster popolari “X2”, wara li aktar minn 100 persuna sostnew li sofrew korrimenti fil-moħħ minħabba din ir-rikba.

Six Flags qalet li l-attrazzjoni kienet għaddiet minn sensiela ta’ testijiet tas-sigurtà, iżda li kienet iddeċidiet li twaqqafha għax kienet “l-aħjar ħaġa li kellha ssir”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport