San Vinċenz de Paule u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jaħdmu fuq diversi proġetti biex  joffru aktar opportunitajiet u servizzi lill-anzjani

Aqra wkoll

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) kif ukoll San Vinċenz de Paule qed jaħdmu fuq diversi proġetti biex ikomplu joffru aktar opportunitajiet u servizzi lill-anzjani, li wħud minnhom diġà tħabbru u oħrajn se jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa Ian Borg il-Parlament, meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo. Il-Ministru Borg irrimarka li l-AAKK diġà toffri diversi servizzi mmirati lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani, fosthom l-immaniġġjar tad-Dijabete fid-Dar, eżamijiet tal-għajnejn għall-membri taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u r-residenti fid-djar residenzjali, sessjonijiet tal-VR u taħriġ fit-teknoloġija fiċ-Ċentri, kif ukoll l-estensjoni tas-servizz Silver T. 

Il-Ministru tas-Saħħa spjega li fiċ-Ċentri qed isiru wkoll sessjonijiet ta’ għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ abbuż u fejn wieħed jista’ jfittex l-għajnuna. Saħaq kif f’San Vinċenz de Paule qed jiġu ntrodotti diversi servizzi u inizjattivi biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Dan filwaqt li, fil-qasam dijanjostiku se tiġi ntrodotta sistema ġdida tal-ultrasound li tikkumplimenta s-servizz eżistenti, wara l-inawgurazzjoni riċenti tal-MRI u, qabel, tas-CT Scan.

Il-Ministru Borg żied jgħid li qed jespandu wkoll is-servizzi kliniċi: infetħet klinika ġdida tad-dijaliżi tal-kliewi, se tinfetaħ klinika tal-ematoloġija u se jkomplu jissaħħu l-kliniċi speċjalizzati, inkluż dik tal-oftalmoloġija. 

Qal ukoll; “Fil-qasam tal-kura, infetħet sala ġdida għall-kura paljattiva, filwaqt li l-proġett pilota tal-kura intermedjarja ġie estiż minn 16 għal 40 sodda”. Il-Ministru tas-Saħħa tenna jgħid li l-investiment fir-riżorsi umani jibqa’ prijorità, bir-reklutaġġ ta’ infermiera speċjalizzati u taħriġ kontinwu għall-ħaddiema, inkluż taħriġ riċenti dwar il-Gold Standards Framework (GSF). Fl-istess waqt, qed jingħataw ukoll opportunitajiet ta’ tagħlim lir-residenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport