Sunday, December 22, 2024

Inawgurat il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Tolfa, f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku Kevin Cauchi u l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem inawguraw il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Tolfa, f’Għajnsielem li sar permezz ta’ fondi mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, Green Canopy minn Ambjent Malta u fondi tal-Kunsill Lokali.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-Awtorità tal-Ippjanar iffinanzjat madwar €165,000 mid-Development Planning Fund wara li rċeviet applikazzjoni konġunta minn Eko-Għawdex u mill-Kunsill Lokali biex din il-Pjazza setgħet issir mill-ġdid. Kompla li kemm ir-residenti ta’ Għajnsielem kif ukoll kull min iżur din il-lokalità issa jista’ jgawdi minn dan l-ispazju miftuħ li fih tħawlu wkoll 15-il siġra.

“Dan huwa eżempju konkret ta’ urban greening, ta’ kif nistgħu nkomplu ntejbu u nsebbħu l-ambjent tal-lokalitajiet tagħna. Fuq kollox il-pjazez li huma ċ-ċentru tal-irħula tagħna. Nifraħ lill-Kunsill Lokali għax-xogħol li sar u nħeġġeġ aktar Kunsilli sabiex jippreżentaw ideat innovattivi li jissarrfu fi proġetti bħal Pjazza Tolfa li tgawdi minnhom il-komunità,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-pjazez fl-irħula mhux biss huma importanti għan-nisġa soċjali u kulturali fil-komunità, iżda jarrikkixxu l-karatteristiċi uniċi tal-lokalitajiet u huma essenzjali biex iżommu l-irħula ħajjin u vibranti. Hija faħħret l-impenn tal-kunsill lokali ta’ Għajnsielem favur proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti li l-kunsill lokali wettaq sabiex jindirizza l-bżonnijiet tal-lokalità u tar-residenti.

“Din il-pjazza hija turija ċara ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-kapaċità tal-kunsilli lokali fit-twettiq ta’ proġetti lokali. Għaldaqstant, kommessi li nibqgħu nkunu ta’ spalla għall-kunsilli lokali u nassistu f’dak kollu meħtieġ sabiex ikomplu jimplimentaw proġetti skont il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Tolfa huwa raħal ġemellat ma’ Għajnsielem u fl-okkażjoni tal-20 sena ġemellaġġ inkixef ukoll monument mill-artist Paul Stellini. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-ewwel Sindku ta’ Tolfa Alessando Batticlochio u Sindki oħrajn.

Ekonomija

Sport