Sunday, November 24, 2024

Inawgurat ir-restawr tal-oratorju fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Aqra wkoll

Ilbieraħ, il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann inawgurat it-tmiem tar-restawr estensiv tal-oratorju u l-ftuħ tal-Caravaggio Wing, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u l-President tal-Fondazzjoni Emmanuel Agius. 

Agius spjega kif f’Awwissu 2020, il-Kunsill tal-Fondazzjoni beda jaħdem fuq proġett ambizzjuż biex jirrestawra u jikkonserva l-oratorju u d-dekorazzjoni Barokka tiegħu, is-soffitt u l-pitturi tal-ġnub, kif ukoll iż-żewġ kwadri li jinstabu maġenb il-pittura ta’ Caravaggio, ‘il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann.”

Cynthia de Giorgio, il-Kap Eżekuttiv u Kuratriċi irrimarkat li: “Din l-okkażjoni hija waħda storika u sinifikattiva dan għaliex 13-il pittura ta’ Mattia Preti ġew irrestawrati flimkien mal-induratura tas-saqaf tal-injam. Il-pittura ta’ Caravaggio ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista’ ġiet imdawla b’sistema ġdida ta’ dawl LED, li se telimina ħsarat ikkawżati mis-sħana u l-UV li qabel ġie emess bid-dawl magħmul mill-halogen”. 

Hija saħqet ukoll li; “il-pittura ta’ ‘San Ġilormu Jikteb’ ġiet mogħtija l-ispazju li jixirqilha kif xi darba kienet iżżejjen il-ħitan tal-palazz ta’ Fra’ Ippolito Malaspina, iżda wara mewtu fl-1624 hu ħalla din il-pittura lill-Kappella tal-Italja, fejn issa se tkun esebita fil-Caravaggio Wing fejn id-dettalji metikolużi tal-pittura jisgħtu jiġu apprezzati. Dan huwa tiġdid tal-patrimonju kulturali tal-Ordni ta’ San Ġwann”. 

Il-proġett ambizzjuż tar-restawr tal-oratorju jikkonsisti mill-iskultura ndurata fil-ġebla tal-arkata u s-saqaf, kif ukoll il-pitturi li jinstabu fl-istess arkata, xogħolijiet maħduma bit-teknika biż-żebgħa taż-żejt fuq il-ġebla, dawn jirrapreżentaw ix-xeni taI-‘Agunija ta’ Kristu fil-Ġnien tal-Ġetsemani’ u ‘Kristu Marbut mal-Kolonna’. 

Iż-żewġ pitturi li jinstabu fil-parti t’isfel tal-istess arkata li saru bl-istess teknika biż-żebgħa taż-żejt fuq it-tila li jirrapreżentaw l-ewwel żewġ retturi tal-Ordni: il-‘Beatu Raymond’ u ‘Ġerardu Għarkupptejh Quddiem il-Ħaruf t’Alla’ u ‘Santa Flora u Donna Sancha Quddiem il-Verġni Marija’ u għaxar gwarniċi dekorattivi mat-twieqi kbar, u dekorazzjonjiet oħra. 

Il-varjazzjoni tat-teknika artistika u s-sapport fil-ħidma ta’ dawn l-artefatti, kif ukoll il-livell ta’ deterjorazzjoni li kien hemm f’dan il-kumpless, għamlu dan il-proġett avventura eċċitanti. 

STORJA 

Il-bini tal-oratorju beda fl-1602 matul ir-renju tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Il-Confraternita della Misericordia kienet ukoll involuta u kkontribwiet għall-bini tiegħu. L-oratorju kien maħsub bħala post ta’ devozzjoni għan-novizzi u tlesta fl-1603. Il-konfraternità kienet tuża dan l-oratorju għall-funżjonijiet tagħha kif ukoll għall-investitura tal-Kavallieri u għal ċerimonji oħra li kienu jilħqu l-qofol tagħhom bil-festa tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann fid-29 ta’ Awwissu. 

L-oratorju gie mogħti d-dehra preżenti fl-1680 meta sarlu interventi kbar ta’ dekorazzjoni bejn l-1679 u l-1690, fejn ġew miżjuda għaxar pitturi ta’ Mattia Preti li juru l-Qaddisin tal-Ordni u kif ukoll suffett tal-injam. L-irħam ġie miżjud fl-1740. 

IL-CARAVAGGIO WING 

Minbarra s-Sala ta’ San Ġilormu, il-viżitaturi jistgħu jsegwu ‘Meet Caravaggio’: doku-drama qasir dwar il-ħajja tal-artist f’Malta bejn Lulju 1607 u Ottubru 1608: l-ewwel bħala novizz, u imbagħad bħala Kavallier tal-Ubbidjenza u kif ukoll il-ħarba drammatika tiegħu mill-ħabs ġewwa Forti Sant’Anġlu. 

Fl-2019 meta il-bieb storiku li darba kien jagħti għad-dar tal-Gran Prijur ġie miftuħ, il-kmamar oriġinali ta’ din id-dar ġew maqgħuda mal-oratorju. 

Il-proġett tal-Caravaggio Wing kien parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Tmenin fil-mija ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, u għoxrin fil-mija mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. 

Sport