Thursday, October 10, 2024

Inawgurata lukanda ta’ erba’ stilel f’San Pawl il-Baħar b’investiment ta’ €24 miljun

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, inawgura lukanda ta’ erba’ stilel f’San Pawl il-Baħar b’investiment ta’ €24 miljun.

Il-lukanda Seaview Hotel fetħet mill-ġdid l-operat tagħha fl-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena, wara li l-binja twaqqgħet kompletament u nbniet mill-ġdid fl-istess sit fejn kienet tqiegħdet l-ewwel ġebla fl-1976.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jisma’ kif din il-lukanda għaddiet minn trasformazzjoni sħiħa tul dawn l-aħħar snin li ilha miftuħa. Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ għadd ta’ ħaddiema minn dipartimenti diversi u rringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu ta’ kuljum b’dedikazzjoni, bl-għan li joffru l-aqwa esperjenza possibbli lit-turisti li jagħżlu lil pajjiżna.

Minn lukanda bi tliet stilel u b’inqas minn 50 kamra, illum is-Seaview Hotel tħaddem 50 persuna u għandha total ta’ 180 kamra. Illum hija mgħammra b’faċilitajiet mill-aqwa għas-servizz tal-klijenti, fosthom infinity pool, tliet ristoranti, gym u parkeġġ.

Id-direttriċi tal-lukanda Josette Vella qalet li l-futur huwa wieħed mill-isbaħ u qiegħda tħares b’ottimiżmu għall-ġejjieni.

“Pajjiżna huwa fost l-aqwa fl-Ewropa fir-rata tal-vaċċinazzjoni u dan il-fatt qed jattira aktar turisti li qed iħossuhom iżjed siguri meta jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni tagħhom,” ikkonkludiet is-Sinjura Vella.

“It-turisti qed jagħżlu lil pajjiżna għall-ospitalità, għaliex huwa wieħed sigur u b’rata ta’ vaċċinazzjoni mill-aqwa” – Id-Direttriċi tas-Seaview Hotel Josette Vella

Sport