Wednesday, March 27, 2024

Il-kumpanija Baxter se iżżid l-operat b’30% – mistennija toħloq 50 impjieg ieħor

Aqra wkoll

Fi żmien ta’ pandemija globali, il-kumpanija ta’ manifattura ta’ eċċellenza Baxter se tkun qed iżżid l-operat tagħha b’total ta’ 30%. Matul is-sena l-oħra, bl-għajnuna ta’ Malta Enterprise, Baxter estendew l-operat tagħhom b’20%. Se jkomplu jibnu fuq dan is-suċċess b’espansjoni oħra ta’ 10% fl-operat tagħhom. Din l-espansjoni hija mistennija toħloq 50 impjieg ieħor.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u d-Direttur Maniġerjali ta’ Baxter Malta Brian Tabone, ġie spjegat kif, grazzi għall-appoġġ tal-gvern Malti u Malta Enterprise, l-isfidi tal-pandemija setgħu jiġu megħluba.

Matul iż-żjara, li fiha l-Ministru Dalli kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-kumpanija Baxter spjegat li qed tħares lejn l-operat tagħha b’mod ħolistiku biex tidentifika metodi li bihom tista’ tkun iktar effiċjenti u sostenibbli.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif din it-tip ta’ intrapriża hija riflessjoni tal-investiment li jattira pajjiżna, fejn kumpanija tippjana u taħseb bil-quddiem biex tkompli toffri opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri ta’ kwalità f’pajjiżna.

“Baxter hija wkoll kumpanija li qed tagħraf l-importanza ta’ operat sostenibbli. Għandha miri annwali, li tnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha bi 3% kull sena. Dan apparti t-tibdil u l-investimenti kontinwi fiċ-ċentru tagħhom biex jindirizzaw l-effiċjenza tal-enerġija,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Miriam Dalli żiedet kif Baxter hija kumpanija li uriet fiduċja f’pajjiżna daqskemm Malta uriet fiduċja fiha.

Baxter ilha topera f’Malta għal dawn l-aħħar 30 sena. Kibret u saret mexxejja globali fis-settur tas-saħħa, speċjalment  fil-manifattura tal-plastik relatat ma’ extrution, moulding u automated assembly u prodotti li jintużaw fi sptarijiet u kliniċi madwar id-dinja.

Is-Sur Brian Tabone spjega kif Baxter Malta llum tħaddem madwar 600 ħaddiem li jinkludu ħaddiema fil-manifattura, inġinerija, riċerka u żvilupp, kif ukoll f’numru ta’ funzjonijiet ċentrali.

“Baxter temmen bis-sħiħ fl-abbiltà tal-ħaddiema f’Malta u tipprovdi numru ta’ kundizzjonijiet li wasslu biex il-kumpanija tiġi rikonoxxuta bil-premju ta’ ‘L-Iktar Kumpanija li Tippromwovi l-Bilanċ bejn il-Ħajja Privata u x-Xogħol,” żied jgħid is-Sur Tabone.

Ekonomija

Sport